“L-aħħar ritratt ta’ binti qabel inqatlet”

Fl-aħħar ritratt ta’ Violet-Grace, ta’ erba’ snin, tidher tidħaq u tilgħab ma' ħuha ż-żgħir. Ritratt li ttieħed ftit tas-sigħat qabel it-tifla ttajret minn karozza li baqgħet sejra.
Ir-ritratt ittella' fuq il-midja soċjali minn missier it-tifla biex ifakkar il-memorja tagħha sena wara mewtha fl-Ingilterra.
Fuq Instagram, missier it-tifla kiteb li dan kien l-aħħar ritratt li ħa ta’ bintu u ħuha flimkien. Stqarr li l-unika raġuni li qed ixerred ir-ritratt huwa biex juri kemm kienet tifla kuntenta u x-xewqa tiegħu li kulħadd jibqa’ jiftakar il-kuntentizza li ġabet fil-familja.
Violet-Grace kienet miexja lura d-dar man-nanna tagħha meta ttajret minn karozza misruqa.
Iż-żagħżugħ ta’ 24 sena li kien qed isuq il-karozza ħarab minn fuq il-post u mill-pajjiż sabiex ma jaffaċċjax il-konsegwenzi ta’ dak li għamel. Miegħu kellu passiġġier ta’ 27 sena, li għenu sabiex jaħrab, u ħarab ukoll mix-xena tal-inċident.
Minkejja li ż-żewġt irġiel weħlu sentenza ta’ disa’ snin ħabs, il-familja ta’ Violet-Grace qalet li b’għemilhom taw lill-familja sentenza għal għomorhom mingħajr it-tifla.