L-aħħar pazjent mill-inċident tad-double-decker jittieħed ir-Renju Unit

Il-pazjenti kollha midruba fl-inċident fatali bid-double-decker issa ġew irrilaxxati minn Mater Dei u trasportati lejn faċilitajiet ta’ kura fir-Renju Unit.
Dan ikkonfermah ma’ Newsbook.com.mt l-Kap Eżekuttiv ta’ Mater Dei, Ivan Falzon, li qal li l-aħħar persuna ttieħdet ir-Renju Unit b’ambulanza tal-ajru, wara li ngħata l-kura intensiva f’Malta u l-kundizzjoni tiegħu stabilizzat biżżejjed biex iseħħ dan it-trasferiment.
Fl-inċident li seħħ fid-9 ta’ dax-xahar, tnejn kienu ħallew ħajjithom wara li double-decker laqat fergħa ta’ siġra fil-baxx fi Triq Valletta, iż-Żurrieq.
Il-vettura kienet misjuqa minn żagħżugħ ta’ 24 sena, li aktar tard il-Pulizija investigatu.
Sitta kienu ndarbu serjament, u l-aħħar persuna li ttieħdet ir-Renju Unit kien anzjan.
Żewġ persuni oħra li kienu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva (ITU), tifel u raġel, ukoll kienu ttieħdu r-Renju Unit bl-ambulanza tal-ajru.
Il-mejta kienu Belġjan ta’ 62 sena u Spanjola ta’ 37 sena.
Ritratt: Ian Noel Pace