L-aħħar pazjent f’Bergamo bil-Covid joħroġ mill-kura intensiva

FILE PHOTO: REUTERS/Flavio Lo Scalzo

Read in English.

Wara 137 ġurnata konsekuttiva (mill-Ħadd 23 ta’ Frar), ma kien hemm l-ebda pazjent fid-dipartiment ta’ rijanimazzjoni u l-emerġenza intensiva li huwa pożittiv għall-Covid-19, fl-isptar ta’ Bergamo, hekk kif l-aħħar pazjenti qalbu negattivi u m’għadhomx fil-periklu tal-mewt, waqt li oħrajn tmexxew f’swali oħra.

Fl-agħar ġranet, f’belt li diġa kienet kwieta u għajjiena, l-iżjed post storbjuż f’Bergamo kien “l-akbar sit ta’ kura intensiva fl-Ewropa”, kif kien imfisser l-isptar Papa Giovanni, fost ferneżija, għajja, sagrifiċċji u magni ta’ l-ossiġnu: dipartiment li nhar l-1 ta’ Marzu, f’24 siegħa ġie estiż bl-għajnuna ta’ tobba u infermiera. 

Id-direttur ġenerali ta’ l-isptar Maria Beatrice Stasi, qalet li tal-lum huwa “mument emozzjonanti għall-aħħar:  għax fl-aħħar, dawk kollha li jaħdmu fir-Rijanimazzjoni libsu l-ilbies normali tagħhom, f’dipartiment li issa huwa meħlus mill-Covid. 

L-isptar Papa Giovanni kien post ta’ kura, ta’ ġlied kontra l-virus iżda wkoll ta’ riċerka, minn tobba li riedu akkost ta’ kollox li jifhmu. U kien hemmhekk, bl-istess mod kif kien ġara f’Milan, li grazzi għal awtopsja, instab u kien ċertifikat (sa ma kien ukoll pubblikat fuq Lancet) ir-riskju trombo-emboliku marbut mal-Covid, li kien ħalla tant u tant vittmi. B’għajnejha jdemmgħu Stasi fakkret dik in-nofs ġurnata meta inħolqot żona ġdida fl-isptar sabiex ikun jista’ jingħata l-ossiġnu lill-pazjenti: “Bżajt li l-virus kien se jirbħilna, iżda rnexxielna.”

Kien it-23 ta’ Frar meta l-ewwel pazjent pożittiv kien ġie trasferit mill-isptar ta’ Alzano Lombardo għall-isptar Papa Giovanni, fejn diġa kienet laħqet tħejjiet żona żgħira kollha kemm hi iżolata. Kien hemm mistennija xi każi iżda ħadd qatt ma basar li kien se jkun hemm mewġa daqshekk vjolenti u mgħaġġla. Fi ftit ġimgħat kien hemm rivoluzzjoni sħiħa, kemm għall-kura intensiva kif ukoll għad-dipartimenti l-oħra li minn lejl għal nhar, tbiddlu għal żoni Covid. 

Ħafna tobba u ħaddiema spiċċaw ħadu l-virus ukoll, xi pazjenti, fl-agħar ġimgħat, kellhom jittieħdu f’bliet oħra. Issa, fl-isptar baqa biss xi tletin pazjent li bil-mod, qed jirkupraw mill-virus.