L-aħħar pass biex jitlesta l-Marsa-Ħamrun Bypass

Bdew l-aħħar fażijiet tal-proġett ta’ €5 miljuni biex titwessa’ l-Marsa-Ħamrun Bypass.

Dan tħabbar minn Infrastructure Malta li spjegat li llum infetħu żewġ korsiji ġodda waqt li temporanjament ingħalqu dawk eżistenti biex jerġgħu jinbnew mill-ġdid.

Fi stqarrija ġie spjegat li t-triq se tibqa’ miftuħa fiż-żewġ direzzjonijiet, madanakollu min jgħaddi minnha jrid isegwi d-direzzjonijiet temporanji, inkluż limiti ta’ velocità li hemm fuq it-tabelli mal-ġnub tat-triq. Xogħlijiet li jisgħtu iwasslu sabiex it-triq tingħalaq se jsiru tard bil-lejl sabiex jonqsu d-diffikultajiet għall-pubbliku.

Fil-ġimgħat li ġejjin se tinbena central strip ġdida li tissepara ż-żewġ karreġjati, se titqiegħed sistema ta’ lqugħ tal-ilma tax-xita, jinbnew mill-ġdid is-sisien tat-triq u tinkesa t-triq b’numru ta’ saffi ta’ asfalt. Wara li dan isir, Infrastructure Malta ttemm il-proġett bil-bini mill-ġdid tal-karreġġjata tat-Tramuntana, mill-Marsa u Ħal Qormi, lejn l-Imrieħel u l-mini ta’ Santa Venera.

Il-proġett mistenni jitlesta sa April tas-sena d-dieħla, madanakollu Infrastructure Malta qed taħdem sabiex tiftaħ is-sitt korsiji tat-triq għal dawk li jgħaddu minn dawn l-inħawi, sal-aħħar ta’ din is-sena.