L-aħħar mass meeting tal-PL f’Ħal Far

20.50 Dr Joseph Muscat itemm jindirizza l-mass meeting. Fuq il-palk jakkumpanjawh martu Michelle u d-Deputati Mexxejja tal-Partit Laburista.

20.47 Għinuni nkompli nikkonvinċi. Ejja nivvutaw b’moħħna u b’qalbna għall-bidla li hu l-Partit Laburista biss li qed joffriha. Għalhekk qalbi qawwija li nhar il-Ħadd jisbaħ il-jum li fih inkunu wellidna pajjiż ġdid għax ix-xogħol, l-edukazzjoni, is-saħħa, id-drittijiet ċivili, ix-xewqa li nkunu l-ewwel fl-Ewropa, l-enerġija taż-żgħażagħ, l-imħabba lejn pajjiżna huma tagħna lkoll.”

20.46 Għażla bejn passat li jifred u futur li jgħaqqad. Kemm jien kburi li ninsab hawn quddiemkom bla ma għandi bżonn ninħeba wara ħadd, ngħidilkom grazzi talli tajtuni l-unur li nservikom bħala mexxej ta’ dan il-Moviment, dan il-proġett ambizzjuż. Xi darba l-kotba tal-istorja għad iridu jitkellmu mhux fuqi, imma fuqkom – intom, speċjalment iż-żgħażagħ, li wellidtu dal-moviment b’sistema politika ġdida.

20.45 Min jinsab dahru mal-ħajt mhux se jwaqqagħna għall-provokazzjonijiet. Aħna sereni. Nagħmel appell – il-Partit Laburista mhu se jagħti kenn lil ħadd. Taqgħux għall-provokazzjoni. Dan hu Moviment li jrid jgħaqqad. Il-ġimgħa d-dieħla se tkun ġimgħa normali tax-xogħol pero bi Gvern ġdid.

20.43 Nagħmel appell lil dawk li se jivvutaw l-ewwel darba lill-Partit Laburista. Nafu bil-kampanja tal-biża li għaddejja fuq il-postijiet tax-xogħol. Mhu veru xejn. Gvern ġdid mhux se jkun vendikattiv, imma se jsewwi l-inġustizzji li saru mingħajr ma jsiru inġustizzji ġodda.

20.42 Se nivvutaw mhux għall-kuluri tal-uċuh iżda għal bandiera bajda u ħamra. L-għażla s-Sibt hi bejn min ried ibeżża’ għal min offra t-tama u l-fiduċja f’dal-pajjiż li jimxi ‘l quddiem.

20.40 Lil min ħa 500 ewro żieda għalih innifsu, nivvutaw u ngħidulu li ma rridux hekk, imma rridu politiku li jibqa’ mal-poplu u tal-poplu ħames snin sħaħ, b’politiċi li jkunu huma l-ewwel li jmexxu bl-eżempju – bis-sehem tagħhom fil-Parlament. Jitħallsu skont l-attendenza.

20.38 Għandkom għażla bejn politika tal-irkanti u politika ta’ responsabbilta. Is-Sibt hu jum kruċjali. Mhux se jerġa jiġi. Kull min jemmen li wasal il-ħin għal bidla, għandu d-dover li jivvota għall-Partit Laburista kmieni u għall-kandidatio kollha. Għandna bżonn bidla fid-direzzjoni ħalli lil min ivvota bil-qalb biex jgħolli l-kontijiet, ngħidulu li jista’ jkollna kontijiet orħos. L-istess għal min ried powerstation biż-żejt, ngħidulu li jista’ jkollna waħda bil-gass. Jekk nemmnu li l-burrokrazija ħonqot lill-intrapriża, irridu nivvutaw għal bidla, kontra min ħarbat sistema ta’ trasport bidla li teħtieġ tinbidel għal waħda li taqdi aħjar lill-istudenti u lill-anzjani tagħna.

20.35 Għandna road map konkreta li se titwettaq. Mhux se nibagħtulkom ittri biex nidħku bikom. Ir-responsabbilta tagħna nerfgħuha. Grazzi lil Louis Grech li se jassumi din ir-responsabbilta. Grazzi lit-tijm formidabbli ta’ kandidati li għandi. Grazzi lil Toni Abela tax-xogħol kbir li għamel tul is-snin, lil sieħbi Anġlu Farrugia. Aħna nħarsu lejn il-futur li jgħaqqadna b’ottimiżmu għal min jaf li jinsab fuq in-naħa t-tajba tal-istorja.

20.34 Anki fis-saħħa, irridu li jkollna saħħa b’dinjita. Mhemm l-ebda pjan minn ħaddieħor fil-qasam tas-saħħa. Ngħidulhom għalhekk li rridu bidla. Ma rridux aktar nies fil-kuriduri. Se ninvestu fiċ-ċentri tas-saħħa. Se nniedu charter biex il-pazjenti jkunu jafu d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom. Il-pazjent se jkun jaf kemm se jdum jistenna għal operazzjoni. Jekk jinqabeż iż-żmien nibagħtu lill-pazjent jagħmel l-operazzjoni privat.

20.33 Magħna tafu fejn qegħdin. Se ninvestu fl-għalliema li rriduhom jibqgħu mexjin ‘il quddiem. L-għalliema huma importanti daqs mitt skola. Se nagħtuhom sena sabbatical leave biex jipperfezzjonaw l-edukazzjoni tagħhom.

20.31 …Fadalli saħħa għal ħames snin oħra…Fil-mobilta soċjali, il-familji se jsibuna magħhom.

20.30 Appoġġ lill-istudenti li jeħlu minn xi eżami. Irriduhom jibqgħu fl-iskola. Għalhekk lil dawn ngħinuhom billi noffrulhom stipendju wkoll. Għandi x-xorti li kont l-ewwel fil-familja tiegħi li gradwajt fl-Universita u li studjajt barra. Ma ninsiex it-tbissima tal-ġenituri meta gradwajt, sentiment li jkun tiegħi ukoll nara lil uliedi jimxu ‘l quddiem. Nixtieq li jkun sentiment fuq wiċċkom ukoll.

20.27 Il-kejl personali tiegħi fl-edukazzjoni hu li rrid għal uliedkom l-istess li rrid għal uliedi. Uliedna huma kollha l-istess. Għandhom dritt kollha l-istess. Kull wild Malti għandu dritt għas-suċċess. Se nkunu qed ngħinu lill-istudenti tagħna, mhux biss bil-bini tal-iskejjel, iżda b’investiment fl-istudenti u fl-għalliema. Assigurazzjoni taż-żamma u ż-żjieda tal-istipendji.

20.26 L-alleati kbar tagħna fil-ħolqien tax-xogħol huma s-self employed. Intom imsieħba tagħna. Nemmnu fikom, irridukom fil-Moviment. Grazzi li qegħdin spalla ma’ spalla. Nitkellmu fuq ħolqien tax-xogħol għax irridu tkabbir ekonomiku u tqassim tal-ġid b’importanza lill-edukazzjoni, iċ-ċavetta ta’ kollox.

20.25 Xogħol lill-Għawdxin f’Għawdex permezz ta’ iktar investiment fit-turiżmu, fil-qasam marittimu, fl-IT u l-oqsma kollha li jkabbru l-ekonomija, fuq kollox bis-sehem tan-nisa.

20.24 Il-pjan tagħna għall-enerġija hu maħsub biex noħolqu x-xogħol. Ix-xogħol se naħdmu biex noħolquh sura ta’ nies. Irridu nerfgħu lin-nies mill-faqar u nibnu middle class ġdida. Ħsibna jmur f’dawk li jinsabu bla xogħol u nwiegħduhom xogħol ta’ veru.

20.23 Għandna pjan għal tnaqqis tal-burrokrazija biex in-negozju jitħalla jaħdem. Bidla fil-MEPA se twassal biex in-negozji u dawk li se jieħdu l-inizjattiva, ikunu jistgħu jaħdmu. Aħna favur in-negozju u għalhekk favur ix-xogħol.

20.22 Għandna pjan ċar tal-enerġija biex nuru kif, meta u b’kemm se nraħħsu. Konna konsistenti mill-ewwel minuta sal-aħħar minuta għax għandna pjan kredibbli. Pjan li se jgħin lill-familji, lin-negozji b’77 miljun ewro fis-sena fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin.

20.20 Nhar is-Sibt nistgħu inbiddlu mhux biss il-Gvern, imma s-sistema tal-politika minn ftit għal ftit għal waħda minn kulħadd għal kulħadd. Dan hu l-mument, is-Sibt hu l-mument, biex kull min verament irid il-bidla jagħmel l-għażla. Jgħidulek li moħħok u qalbek jiggwidaw għal direzzjoni differenti. Bir-roadmap, bl-ideal progressiv tagħna, ngħidu lill-Maltin u l-Għawdxin kollha biex b’moħħhom u b’qalbhom jivvutawlna għax kif ħaddieħor ivvota bil-qalb biex jagħtikom kontijiet ogħla, aħna nivvutaw l-istess għal bidla fil-pajjiż.

20.18 Ħaddieħor, li jien nirrispetta personalment, wassalna fl-Ewropa. Jien ħdimt fl-Ewropa imma issa rrid intella’ lil dan il-pajjiż fuqnett fl-Ewropa. Issa hu l-ħin tal-bidla. Nhar is-Sibt hu l-mument tal-bidla. Għalxejn tixtieqha jekk ma tivvutax għaliha.

20.17 Indunajna li s-soċjeta Maltija qiegħda tgħajjat, titlob u tesiġi moviment li jarmi l-politika partiġġjana u jmexxi ‘l quddiem politika għall-għaqda nazzjonali…Moviment li jkisser il-barrieri tal-politika tal-passat, fejn kulħadd, irrispettivament minn dak li vvutajt 5 snin ilu, dan hu moviment li hu d-dar naturali tal-Maltin u l-Għawdxin kollha…mixja lejn pajjiż maqgħud, xempju fl-Ewropa għax hu protagonist u mhux spettatur.

20.16 L-elezzjoni tiegħi bħala mexxej ta’ dan il-partit ħames snin ilu kienet tfisser li konna lesti li niksru r-rabta tal-politika tal-passat u mmorru għal moviment li jibdel il-pajjiż. Unur kbir li wassaltuni s’hawn. Urejna li għarafna s-sinjali taż-żminijiet, urejna li kapaċi naqraw fejn hi l-karba tas-soċjeta tagħna.

20.15 Iżda issa niġu quddiemkom u ngħidilkom li smajna mill-poplu, inbdilna, u issa quddiemkom ġejna biex inbiddlu lil dan il-pajjiż.

20.13 Partit li minkejja l-episodji glorjużi fil-passat tiegħu, kien hemm żmien meta tilef it-triq, meta infired, meta ħalla lil min jużah li ċappsu u remieh. Jien ma nagħmilx bħal ħaddieħor, jien ma nfarfarx ir-responsabbilta. Ma niddejjaqx ngħid li kien hemm żmien meta għamilna żbalji li pattejna għalihom 25 sena sħaħ.

20.11 L-istess entużjażmu narah f’għajnejn iż-żgħażagħ tal-lum. Fejnhom iż-żgħażagħ? Illum dawn se jkunu l-protagonisti biex ilkoll flimkien immorru lil hinn mill-politika tal-passat. Infittxu dak li jgħaqqadna mhux dak li jifridna.

20.10 Kien iż-żmien li beda jinħass il-bżonn li l-Istat u l-Knisja jkunu separati minn xulxin, il-ħtieġa għal-liberta tal-espressjoni…missirijietna ma beżgħux mit-theddid jew li jmorru l-infern biex verament jingħad dak li kellu jsir fil-pajjiż.

20.08 Dan il-partit hu kburi li mexxa l-vot lin-nisa fis-soċjeta tagħna, mexxa ‘l quddiem l-idea li ż-żgħażagħ għandu jkollhom il-leħen fil-pajjiż u naqqas il-vot għal 18-il sena. Jekk ningħataw il-fiduċja din inaqqsuha għal 16-il sena fil-Kunsilli Lokali u nkunu fost l-ewwel fl-Ewropa.

20.06 Dan il-partit għen biex il-ħaddiema jingħataw id-drittijiet bażiċi, il-paga, l-għajnuna, id-dinjita tagħhom fuq il-post tax-xogħol. Kienet vokazzjoni li imbagħad twaħħdet mal-bżonn li kien qed jinħass f’pajjiżna ta’ iktar drittijiet iktar fundamentali li kull persuna jkollha leħen fis-soċjeta biex tesprimi leħinha bil-vot tagħha.

20.05 L-enerġija tiġi mir-rieda tajba tal-poplu li wieġeb għas-sejħa ta’ dan il-moviment. Il-poplu kien lest li jisma l-messaġġ tagħna. Bdejna bħala partit illi twieled sabiex jimla vojt kbir li kien jinħass fis-soċjeta tagħna iktar minn disgħin sena ilu, meta ħadd ma kien jirrappreżenta l-klassi tal-ħaddiema.

20.03 “Illejla suppost inħossuna għajjenin, imma għandna enerġija biex immexxu lil dan il-pajjiż għall-ħames snin li ġejjin, enerġija li għenitna biex mis-7 ta’ Jannar bdejna kampanja pożittiva li daħlet fil-qlub tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

20.00 Il-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat jingħata merħba fuq il-palk u jibda jindirizza l-aħħar mass meeting tal-Partit Laburista għal din il-kampanja elettorali li twassal għall-vot f’elezzjoni ġenerali nhar is-Sibt 9 ta’ Marzu 2013.

19.53 Jingħata merħba fuq il-palk id-Deputat Mexxej tal-partit Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament, Louis Grech biex jindirizza l-folla.

19.50 Jixxandar messaġġ bil-Franċiż mill-President ta’ Franza Francois Hollande favur Dr Joseph Muscat.

18.15 Newsbook infurmat li l-indirizz ta’ Dr Joseph Muscat se jkun qed jibda iżjed tard milli kien previst, possibilment qrib it-8pm.

17.15 Il-folla tinġabar fit-tarf tal-Kwart ta’ Mil f’Ħal Far biex tagħti merħba u tisma’ lill-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat f’dan l-aħħar mass meeting għal din il-kampanja elettorali.

Ritratti: Daniel Balzan

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.