L-aħħar li mietu daqshekk nies fl-Italja kien fil-gwerra – Konsulent tas-Saħħa

Medical staff wearing protective masks, glasses and suits treat patients suffering from coronavirus disease (COVID-19) in an intensive care unit at the Oglio Po hospital in Cremona, Italy March 19, 2020. REUTERS/Flavio Lo Scalzo

Konsulent tal-ministeru tas-saħħa tal-Italja appella biex ir-restrizzjonijiet tal-coronavirus jiġu ssikkati drastikament biex tiġi evitata “traġedja nazzjonali” wara li l-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika ISTAT qal li l-imwiet din is-sena jkunu l-ogħla mit-Tieni Gwerra Dinjija.

“Aħna qegħdin f’sitwazzjoni bħal fi gwerra, in-nies ma jirrealizzawhiex iżda l-aħħar darba li kellna dan il-ħafna mwiet, il-pajjiż kien ibbumbardjat bil-bombi li kienu qed jinżlu fuq l-ibliet tagħna matul il-gwerra,” qal il-professur tas-saħħa pubblika Walter Ricciardi lill-istazzjon televiżiv La7 nhar it-Tlieta filgħaxija.

Ricciardi, il-konsulent tal-Ministru tas-Saħħa Roberto Speranza, qal li l-gvern, li qed jikkunsidra li jissikka r-restrizzjonijiet fuq il-vaganzi tal-Milied u tas-Sena l-Ġdida, għandu jsakkar il-bliet ewlenin kompletament.

L-Italja rrappurtat 846 mewt Covid-19 nhar it-Tlieta, u bit-total ta’ mwiet issa huwa ta’ 65,857, il-ħames l-ogħla fid-dinja.

Bħal f’ħafna pajjiżi oħra, dak it-total huwa ġeneralment meqjus bħala sottovalutat minħabba li ħafna nies li mietu b’Covid-19 matul l-ewwel mewġa qatt ma ġew ittestjati għall-virus.

Il-kap tal-ISTAT Gian Carlo Blangiardo qal nhar it-Tlieta li n-numru globali ta’ mwiet fl-Italja din is-sena se jaqbeż is-700,000, kontra 647,000 fl-2019.

“L-aħħar darba li ġrat xi ħaġa bħal din kienet fl-1944 meta konna fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija.”