​L-aħħar kliem ta’ Jake ftit qabel miet

Jake Funeral

Mijiet ta’ persuni llum inġabru fil-Kolleġġjata tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Bormla, biex jagħtu l-aħħar tislima lil Jake Cutajar, iż-żagħżugħ ta’ 21 sena li miet nhar il-Ġimgħa waqt li kien qiegħed live fuq Facebook.
Fr Felix Cini fetaħ l-omelija bl-aħħar kliem li kiteb Jake ftit tal-ħin qabel miet:
Jekk waslet tieghi, tibkinix;
minn moħħok u minn qalbek tneħħinix;
Mulej, illejla żommli post ħdejk;
ma nkunx beżgħan naf li riesaq lejk.
Irrimarka li forsi Jake kien jaf li kien wasal għalih il-bidu tal-vjaġġ biex jiltaqa’ ma’ Ġesù.
Fr Felix stqarr li s-sentimenti li bihom kien jgħix Jake għandhom tagħlima kbira. Fisser kemm kienet iebsa ħafna għalih meta kien ikollu xi jgħid ma’ xi ħadd. 
Tkellem ukoll dwar l-imħabba ta’ Jake lejn il-morda, u kif kien il-gost tiegħu jagħmel video lives fuq Facebook, fejn kien jitrażmetti ħafna talb għall-morda, speċjalment dawk fl-isptarijiet.
Sostna li l-kundizzjoni rari li biha kien jgħix Jake u li kienet iġġiegħlu jbati ħafna, kienet tgħinu jifhem lil batut.

“Filgħaxija, spiss kien jibgħat xi messaġġ biex noqogħdu nitkellmu ftit fuq Skype… Matul il-ġurnata spiss kien iċempilli jew jibgħatli xi messaġġ fejn kien jistaqsini fi x’ħin se niltaqgħu fiċ-chat biex ngħidu r-rużarju flimkien”, żied jgħid Dun Felix.
Saħaq li min ma kienx jafu kien forsi jiġġudikah bħala ‘bniedem fitt u li jdejqek’. Sostna li ma kienx hekk.
Dun Felix semma wkoll id-devozzjoni lejn il-Patruna tal-Parroċċa, Marija Immakulata u l-imħabba lejn Bormla u l-għaqdiet tagħha.