“L-aħħar kelma dwar is-saċerdoti nisa qalha Ġwanni Pawlu II”

Ir-rifuġjati, is-saċerdoti nisa, il-movimenti kariżmatiċi, it-taħditiet mal-President tal-Veneżwela, is-sekularizzazzjoni, il-vjaġġi li jmiss, u t-traffikar uman kienu t-temi li l-Papa tkellem dwarhom fil-konferenza stampa li ta fil-vjaġġ lura mill-Isvezja.
Kif issa mdorri jagħmel mal-ġurnalisti miegħu fuq l-ajruplan lura lejn Ruma, il-Papa Franġisku lbieraħ indirizza diversi temi interessanti li dwarhom ġie mistoqsi.
Faħħar l-eżempju tal-Iżvezja li għandha tradizzjoni qadima ta’ ospitalità ta’ emigranti u rifuġjati. Waqt li ħeġġeġ biex il-pajjiżi jżommu l-bibien miftuħa għal dawk li jiġu minn barra, insista li dan għandu jinkludi wkoll pjan kif ir-rifuġjati jiġu integrati fil-ħajja soċjali.
Hawn il-Papa wissa kontra l-“ghettos” li fi żmienna faċli jinħolqu fejn komunitajiet ta’ barranin ma jiġux integrati kif imiss fil-ħajja tal-pajjiż.
Dwar is-saċerdoti nisa, tenna li “l-aħħar kelma” tal-Papa Ġwanni Pawlu II fuq is-suġġet “kienet ċara” u “tibqa’ tgħodd”. Fl-istess waqt għafas fuq id-dimensjoni Marjana tal-Knisja, li hi stess hi “femminili” u ma tistax tgħix mingħajr din il-karatteristika.
Dwar il-kriżi fil-Veneżwela, il-Papa semma kif is-Santa Sede interveniet bin-Nunzju tagħha, u saħaq li d-djalogu hu l-unika triq ta’ soluzzjoni.
Innota kif is-sekularizzazzjoni żdiedet għax il-bniedem nesa li Alla hu l-Ħallieq, imma wkoll minħabba ċerta telqa fil-Knisja, waqt li sejjaħ il-mondanità spiritwali “l-agħar ħaġa” li jista’ jiġrilha.
Franġisku tenna l-kundanna tiegħu kontra kull xorta ta’ traffikar uman, waqt li faħħar il-gruppi ta’ voluntiera fl-Italja li qed jiġġieldu din il-pjaga.
Dwar il-vjaġġi ppjanati għas-sena d-dieħla, il-Papa qal li hu “kważi ċert” li sa jżur l-Indja u l-Bangladesh.