“L-aħħar imbuttatura mill-Gvern u nagħlqu proġetti li bdejna 3 snin ilu” – President MFA

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) Norman Darmanin Demajo qal li l-MFA investiet ħafna fl-infrastruttura u issa għandha bżonn l-aħħar imbuttatura mill-Gvern biex tikkonkludi l-proġetti li bdiet tliet snin ilu.

Waqt laqgħa mal-amministrazzjoni tal-MFA li għadha kemm ingħatat mandat ta’ tliet snin oħra fit-tmexxija tal-futbol Malti, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq fuq l-impenn tal-Gvern li jagħti l-appoġġ meħtieġ, fuq livelli differenti.

Fost l-oħrajn Dr Muscat qal li l-Gvern huwa kommess li jgħin fl-infrastruttura sportiva.

Semma l-bżonn li l-klabbs lokali tal-futbol jibdew jaħdmu b’setup iktar professjonali, mhux biss minħabba l-obbligi internazzjonali, iżda anke għax dan iwassal għal iktar investiment u iktar pjanar fit-tul.

Qal li l-Gvern se jkun impenjat ukoll li jagħti l-għodda leġislattivi meħtieġa biex l-MFA ssaħħaħ il-ġlieda tagħha kontra dawk l-affarijiet li jmorru kontra l-ġenwinità tal-isport.

Il-Prim Ministru żied jgħid li l-pulizija se tkun qed tikkollabora mal-MFA biex jiġu investigati bis-serjetà l-każijiet kollha li jitressqu quddiemha.