L-aħħar ġimgħa ta’ kampanja elettorali: kruċjali bħal fil-passat?

Hekk kif fadal biss ftit jiem għall-jum tal-votazzjoni, ħarsa lejn l-aħħar żewġ elezzjonijiet ġenerali turi li l-aħħar ġimgħa dejjem kienet waħda kruċjali.

L-aħħar elezzjoni ġenerali, tal-2008, intrebħet biss b’distakk ta’ 1,500 vot bejn iż-żewġ partiti. Avveniment li ddomina l-aħħar ġimgħa elettorali kienet tikkonċerna lil Jeffrey Pullicino Orlando u l-każ tal-mistra.

Kien il-Partit Laburista li żvela li l-MEPA approvat art tad-deputat Nazzjonalista fil-Mistra biex tiġi żviluppata f’post tad-divertiment.

Fl-aħħar jiem qabel l-elezzjoni, Pullicino Orlando kien saħansitra daħal f’dibattitu tal-Awtorità tax-Xandir bħala ġurnalist. Is-segretarju Ġenerali Nazzjonalista, Joe Saliba, kien qal li din il-kwistjoni kienet rebbħet lill-Partit Nazzjonalista l-Elezzjoni.

Fl-2003, kwistjoni li baqgħet tissemma u li ddominat l-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali, kienet l-akkuża ta’ Dr Eddie Fenech Adami li l-mexxej Laburista Dr Alfred Sant kien tellef lil ibnu l-opportunità li jidħol l-Università.

Din l-akkuża saret waqt l-aħħar dibattitu tal-Awtorità tax-Xandir, eżatt qabel il-jum ta’ riflessjoni. Għaldaqstant, Dr Alfred Sant ma kienx f’pożizzjoni li jirribatti.

Xhur wara, Dr Sant kien rebaħ libell kontra l-kap Nazzjonalista għal din l-akkuża.

Nistennew u naraw jekk din l-aħħar ġimgħa tinkludiex xi żviluppi mhux mistennija.