L-aħħar ftehim tal-Presidenza Maltija jiġġieled il-ħasil ta’ flus u t-terroriżmu

Ċittadini li jkunu dieħla jew ħierġa mill-Unjoni Ewropea u qed iġorru aktar minn €10,000, iridu jibdew jiddikjaraw l-ammont fid-Dwana.
Apparti minn hekk l-awtoritajiet tal-Istati Membri se jkollhom l-opportunità li jaqsmu informazzjoni jekk ikun hemm xi indikazzjoni ta’ attività kriminali marbuta mal-movument ta’ flus.
Dan kien wieħed mill-aħħar ftehim li l-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea rnexxielha tasal għalih fil-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN).
L-għan ta’ dan il-ftehim huwa li jiżdied il-kontroll u jgħin fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
Dwar dan il-ftehim, il-President tal-ECOFIN, il-Ministru Edward Scicluna qal li networks terroristiċi u kriminali jieħdu vantaġġ mill-anonimità ta’ dawn it-tranżazzjonijiet. Spjega li dan il-ftehim se jkun qed isaħħaħ is-sigurtà madwar l-UE u jżid il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra attivitajiet illegali.