Tmiem il-festi anniversarji tal-ewwel statwa titulari ta’ Għawdex

Fi tmiem din il-ġimgħa se jiġu konklużi l-festi speċjali fir-Rabat Għawdex fl-okkażjoni tal-175 anniversarju mill-wasla tal-ewwel statwa titulari ta’ Għawdex.
Nhar il-Ġimgħa li ġej, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech se jmexxi korteo bil-kant tal-Litanija tal-Qaddisin li jitlaq fis-7.30pm minn Pjazza Santu Wistin, fir-Rabat. Fit-8.00pm imbagħad tibda Ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Qaddisin Kollha fil-Bażilika, bit-tema “Intom poplu qaddis”.
L-għada s-Sibt, fl-Akkademja Mużiko-Letterarja fis-7.30pm, taħt il-patroċinju tal-Isqof, li hu wkoll id-Dekan tal-Kolleġġjata Ġorġjana, se jiġu mnedija żewġ tifkiriet uniċi ta’ din il-festa anniversarja.
Fi Pjazza San Ġorġ se tiġi inawgurata l-Wirja San Ġorġ: 175 Sena Fostna, li se tibqa’ miftuħa sal-Ħadd 23 ta’ Novembru.
Se jitnieda wkoll il-ktieb San Ġorġ: L-ewwel statwa titulari ta’ Għawdex,  b’ġabra ta’ kontribuzzjonijiet akkademiċi dwar l-istatwa kif ukoll għadd ta’ ritratti antiki. Din il-pubblikazzjoni ġdida tiswa €5 u tkun tista’  tinkiseb mill-Uffiċċju Parrokkjali tal-Bażilika.
Ritratt: Joe Attard