L-aħħar edizzjoni mis-sensiela Għajta Waħda

Nhar il-Ħadd hija l-aħħar edizzjoni mis-sensiela Għajta Waħda – il-kunċerti virtwali li matul dawn l-aħħar ġimgħat ixxandru bl-għan li jippromwovu u jħeġġu l-għaqda nazzjonali.

Tim ta’ professjonisti mis-setturi tad-divertiment u x-xandir ingħaqdu flimkien sabiex joffru tama permezz tal-mużika u l-arti. Għajta Waħda kien ta’ xprun sabiex jaqqgħad entitajiet u persuni varji taħt il-patronċinju tal-President George Vella.

Uħud fost l-aqwa talent lokali offra siegħat ta’ mużika u divertiment bi stili mużikali varji minn imkejjen differenti f’pajjiżna fejn it-telespettatur gawda s-sbuħija tat-Teatru Manoel, il-Palazz ta’ San Anton, postijiet storiċi oħra, li kollha kienu mgħaluqha għall-pubbliku.

Minn Ħadd għal ieħor aktar minn 100,000 telespettatur fuq l-istazzjonijiet lokali u pjattaformi online inġabru sabiex igawdu dawn il-kunċerti virtwali. 

Matul dawn ix-xandiriet spikkat il-ġenerożita ta’ bosta li minkejja ċ-ċirkustanzi taw id-donazzjoni tagħhom b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation.

Nhar il-Ħadd fl-aħħar edizzjoni ta’ din is-sensiela ser nisimgħu l-klassiċi tal-mużika Maltija interpretati minn Daniel Cauchi u Sterjotipi fost numru kbir ta’ artisti li ser jingħaqdu fl-għeluq ta’ dan il-proġett. Jissoktaw ukoll l-appelli sabiex permezz ta’ din l-opportunita’ jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Fund Foundation.

Għajta Waħda jixxandar għall-aħħar darba nhar il-Ħadd fid-9.00 pm fuq l-istazzjonijiet lokali, kif ukoll fuq Facebook.

Għajta Waħda hija taħt il-produzzjoni eżekuttiva ta’ Festivals Malta, bl-appoġġ u l-kollaborazzjoni ta’ Visit Malta, Kinnie, Time to Eat, il-Ministeru għall-Patrimonju Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u l-Ministeru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur.

Dan il-kontenut imwassal minn Festivals Malta

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn