L-aħħar ċans għall-Air Malta?

Read in English.

Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana qal lil The Sunday Times li jridu jittieħdu deċiżjonijiet ibsin dwar l-Air Malta. “Jista’ jkun li dan huwa forsi l-aħħar ċans biex insalvaw din il-linja tal-ajru.” Caruana qal li din issa saret xi ħaġa urġenti u l-impatt tal-pandemija laqat lill-Air Malta ħażin ħafna.

Caruana qal li, fi ftit kliem, l-Air Malta m’għandhiex flus: id-dħul naqas drastikament filwaqt li l-ispejjeż għadhom hemm u għadhom kbar. “Is-sitwazzjoni ma tistax tissokta kif inhi u dan ifisser ukoll li kull deċiżjoni li tittieħed għandha tittieħed purament fuq bażi kummerċjali,” qal Caruana. Huwa żied li għal Malta huwa kruċjali li l-pajjiż, gżira, ikollu linja tal-ajru tiegħu. Huwa qal li fil-pandemija, Malta setgħet iġġib tagħmir u provvisti mediċi kif ukoll iġġib lura Maltin minn pajjiżi oħra biss għax kellha linja tal-ajru tagħha. Żied li hija l-Air Malta wkoll li tagħmel titjiriet speċjali biex tieħu nies f’pajjiżi oħra għal kura medika. “Jien għadni nemmen fl-Air Malta,” qal Caruana lill-bdoti meta ltaqa’ magħhom.

Mhux ‘business as usual’

“L-affarijiet ma jistgħux jibqgħu sejrin kif inhuma u żgur mhux ‘business as usual’. Kienet din it-tip ta’ mentalità ta’ ‘business as usual’ li wasslet lill-Air Malta biex titlef miljuni,” wissa Caruana. Bħalissa, qal il-Ministru tal-Finanzi, kull ċenteżmu li jintefaq qed ikun mgħarbel. Il-kumpanija qed tfittex ukoll opportunitajiet ġodda. Ma kkummentax aktar għax qal li dawn l-affarijiet għadhom fi stadju bikri. Dwar il-kumpanija MedAir, Caruana ma qagħadx jomgħodha: “Qed nissieltu biex inżommu linja tal-ajru waħda, aħseb u ara tnejn.”