L-aħħar ċans għal inkjesta, inkella għall-Qorti – il-familja ta’ Daphne

Miguela Xuereb

Il-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia qalet li qed tagħti l-aħħar ċans lil Malta biex titaħ inkjesta pubblika fil-qtil tagħha, permezz tal-avukati tagħha. Qalet li jekk ma tittiħidx azzjoni biex tinfetaħ inkjesta, l-familja se tiftaħ kawża kontra l-awtoritajiet Maltin.

Fuq Twitter, Paul Caruana Galizia li huwa wieħed mit-tlett itfal tal-ġurnalista qal li diġà kellhom imorru l-Qorti biex jaqilgħu lil Silvio Valletta mill-investigazzjoni. Qal li familja li qed tibki l-qtil ta’ ġurnalista investigattiva m’għandhiex ikolla terġa’ tmur il-Qorti biex tara li Malta timxi mal-obbligi tagħha biex tinfetaħ inkjesta pubblika. Qal li madanakollu, jekk ikun il-bżonn, il-familja lesta tagħmel dan mingħajr dewmien.

F’ittra li bagħtu lill-Avukat Ġenerali Malti, l-avukati tal-familja Caruana Galizia qalu li Artiklu 2 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem jgħid li għandu jkun l-istat li jara li qed jimxi mal-obbligi tiegħu u mhux familja ta’ persuna li tkun mietet biex tara li l-liġi tiġi segwita.

Fi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Avukat Ġenerali, l-avukati tal-familja qalu li kien hemm diġà każijiet fejn saret referenza għall-importanza biex jinstab xi rwol kellhom l-awtoritajiet f’ċertu inċidenti.

L-avukati qalu li jekk inkjesta pubblika ma tibdiex minnufih, jista’ jkun il-każ li evidenza kruċjali b’rabta maċ-ċirkostanzi tal-qtil ta’ Caruana Galizia tintilef. Parti mill-evidenza tinkludi korrispondenza bejn l-awtoritajiet u Caruana Galizia u bejn terzi li setgħu kienu qed jipperikolaw il-ħajja tal-ġurnalista.

Intqal li bħalissa l-Pulizija qed tinvestiga lilha nnifisha u li ħadd f’Malta qed jinvestiga jekk l-assassinju ta’ Caruana Galizia setax ġie evitat. Qalu li s’issa l-ebda politiku jew uffiċċjal tal-Gvern ma ġie intervistat mill-Pulizija jew mill-Maġistrat b’rabta mal-każ. Qalu li dan juri l-bżonn urġenti ta’ inkjesta pubblika.

L-avukat Tony Murphy qal li jekk ma jittieħdux passi biex tinfetaħ inkjesta indipendenti, l-familja ma jkolla ebda għażla ħlief li tiftaħ proċeduri f’Malta. Qal li jekk ikun hemm bżonn, se jinfetħu proċeduri fil-Qorti Ewropea għad-Drittjiet tal-Bniedem.

Tista’ taqra l-ittra sħiħa li bagħtu lill-Avukat Ġenerali minn hawn.