L-aħħar ċans biex tkun parti mill-Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Individwi u gruppi żgħar sa 150 parteċipant għadhom jistgħu jirreġistraw biex ikunu parti mill-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, li se jsir fi Krakovja fil-Polonja aktar tard dan ix-xahar.
Wara li sal-aħħar ta’ Ġunju ntlaqgħu l-aħħar reġistrazzjonijiet regolari tal-pellegrini, fl-1 ta’ Lulju fetħu dawn l-applikazzjonijiet għall-avvenimenti ewlenin. Madanakollu ma jkoprux id-Days in the Diocese, fejn b’attivitajiet diversi l-pellegrini jsiru familjari mal-pajjiż waqt li jitolbu u jagħmlu volontarjat mal-parruċċani.
Dawk imħajrin jistgħu japplikaw hawn sat-22 ta’ Lulju. F'każ ta' diffikultà jistgħu jibagħtu imejl fuq wyd@zakmalta.org għall-gwida miż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK) li qed imexxu d-delegazzjoni uffiċjali Maltija għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.
1,000 persuna jirreġistraw kull siegħa 
Fit-340 jum li matulhom intlaqgħu l-applikazzjonijiet ġenerali, irreġistraw 562,640 pellegrin minn 187 reġjun ġeografiku differenti.
Fl-aħħar jum, fit-30 ta’ Ġunju, kien hemm 1,000 persuna jirreġistraw kull siegħa.
Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, irreġistraw pellegrini mill-Kosovo, mill-Bangladesh, minn Ġibiltà, mill-Palestina u minn Myanmar.
L-aktar li se jattendu huma l-Pollakki, segwiti mit-Taljani, Franċiżi, Spanjoli, Amerikani, Ġermaniżi, Brażiljani, Ukreni u Portugiżi.
Irreġistraw ukoll 800 Isqof u 47 kardinal minn 107 pajjiżi, li l-parti l-kbira tagħhom huma mill-Italja, il-Polonja u l-Istati Uniti. Barra minn hekk aktar minn 10,000 saċerdot iddikjaraw il-parteċipazzjoni tagħhom.