L-aħħar ċans biex titniżżel fir-reġistru elettorali li jmiss

Miguela Xuereb

F’Ottubru se jkunu ppubblikati r-reġistri elettorali għall-Elezzjonijiet Ġenerali, għall-Kunsilli Lokali u għall-Unjoni Ewropea riveduti. Id-data tal-għeluq biex wieħed japplika jew jirrevedi xi dettalji hija t-30 ta’ Settembru.

Il-Kummissjoni Elettorali Prinċipali fi stqarrija spjegat li l-persuni kollha ta’ nazzjonalità Maltija u tal-Unjoni Ewropea li għandhom iktar minn 16-il sena u isimhom ma jidhirx fir-Reġistru Elettorali ppubblikat f’April 2020, u għadhom ma applikawx għar-reġistrazzjoni bħala votanti, għandhom japplikaw jekk jkollhom il-kwalifiki neċessarji.  Ċittadini Brittaniċi huma eleġibbli li jkunu reġistrati bħala votanti fir-Reġistru Elettorali għall-Kunsilli Lokali biss.

Il-Kummissjoni qalet li huwa fl-interess ta’ dawk reġistrati li jivverifikaw id-dettalji personali tagħhom li jidhru fir-Reġistru Elettorali ta’ April 2020 huma korretti. Wieħed għandu jara li l-isem jew in-numru tad-dar, l-isem tat-triq kif ukoll in-numru tal-karta tal-identità tagħhom jidhru sewwa fir-reġistri. 

Il-Kumissjoni Elettorali Prinċipali qalet li l-Uffiċċju Elettorali għandu jkun mgħarraf b’kull tibdil li sar u dawk il-persuni li jixtiequ japplikaw għar-reġistrazzjoni bħala votanti, għal tibdil jew korrezzjoni fir-Reġistru Elettorali, għandhom jagħmlu hekk billi japplikaw għall-karta tal-identità fl-Uffiċċju tal-ID Cards għaċ-ċittadini Maltin u Residence Cards għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u Brittaniċi.  Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq is-sit tal-Kummissjoni Elettorali.

Wieħed jista jara hux irreġistrat online billi jidħol fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Elettorali fis-sezzjoni “Pubblikazzjonijiet” u jagħfas il-buttuna “Nista’ nivvota?”.

L-applikazzjonijiet kollha taċ-ċittadini Maltin iridu jaslu għand Identity Malta Agency, Gattard House, Triq Nazzjonali, Blata l-Bajda jew 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, u għal dawk iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u Brittaniċi l-applikazzjonjiet iridu jaslu għand il-Unit tal-Espatrijati, Castagna Building, Triq il-Wied, L-Imsida jew Residence Card Unit, Ministeru għal Għawdex, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdexsa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru, 2020.