L-aħħar appell tal-Kardinal Burke lill-Papa dwar l-“Amoris Laetitia”

Il-Kardinal Raymond Burke, li madwar sena ilu flimkien ma’ erba’ kardinali oħra kien ippubblika numru ta’ domandi li għamlu lill-Papa Franġisku dwar l-Eżortazzjoni Appostolika “Amoris Laetitia”, reġa’ għamel appell finali lill-Papa dwar is-suġġett.
Qal li ried jenfasizza li hu urġenti ħafna li fl-eżerċizzju tal-ministeru li riċieva mingħand Alla, il-Papa għandu jagħmel dikjarazzjoni ċara kemm dwar il-moralità Kristjana kif ukoll dwar il-prattika tas-Sagramenti mill-Knisja.
Il-Papa Franġisku għadu ma rrispondiex għall-ħames mistoqsijiet li kienu għamlulu dawn il-kardinali, li tnejn minnhom issa leħqu mietu.
Huma staqsew jekk it-tagħlim oriġinali tal-Knisja, li kien jipprojbixxi persuni ddivorzjati milli jiżżewġu ċivilment u jidħlu f’relazzjonijiet sesswali biex ikunu jistgħu jirċievu s-sagramenti, għadux jgħodd?
Il-Kardinal Burke qed jgħid li din l-ambigwità dwar punt important fil-kura pastorali tal-familja wasslet biex uħud jagħmlu bidla kbira fil-prattika morali tal-Knisja. Beda proċess li qed jaqleb partijiet essenzjali mit-tradizzjoni.
Uħud qed jgħidu li normi morali li kienu assoluti issa jridu jsiru relattivi u li l-kuxjenza suġġettiva għandha tingħata importanza f’affarijiet morali.
Biex wieħed jifhem l-implikazzjonijiet kbar tat-tibdiliet proposti “biżżejjed wieħed jaħseb x’jiġri jekk dan l-istess kunċett ikun applikat f’każi oħra, ngħidu aħna għal tabib li jagħmel abort, jew politiku mdaħħal f’ċirku ta’ korruzzjoni jew pesuna marida li titlob l-ewtanasja”, qal il-Kardinal Burke.
Mistoqsi dwar l-ittra tal-Papa lill-Isqfijiet tal-Arġentina, li staqsewh jekk il-linji gwida tagħhom li ħallew il-possibiltà li koppji mhux miżżewġa li jkollhom attività sesswali u jitħallew jitqarbnu kinux aċċettabbli, Burke qal li l-ittra tal-Papa lil dawn l-Isqfijiet inkitbet qabel il-mistoqsijiet tagħhom lill-Papa u ma tistax titqies bħala risposta adegwata għad-dubji tagħhom.
L-ewwelnett għaliex dawn il-linji gwida jistgħu jkunu interpretati b’modi differenti, u t-tieni għax mhux ċar jekk ir-risposta tistax titqies bħala risposta tal-Maġisteru fejn il-Papa jkellem lill-Knisja Universali bħala suċċessur ta’ Pietru.
“Il-fatt li l-ittra tal-Papa saret magħrufa għax għaddiet lill-istampa u kien biss wara li xxandret li kienet ippublikata uffiċjalment mill-Vatikan, iqajjem dubju serju dwar l-intenzjoni tal-Papa li jindirizzaha lill-Knisja Universali. Barra minn dan, jekk titqies hekk dan kontra x-xewqa espliċita tal-Papa li jħalli l-applikazzjoni tal-“Amoris Laetitae” f’idejn l-isqfijiet rispettivi ta’ kull pajjiż”, sostna l-Kardinal Burke.
Żied jgħid li fid-dawl ta’ kif qed jiżviluppaw l-affarijiet, id-domandi tagħhom lill-Papa jinħtieġu risposta urġenti.