L-aħħar album ta’ Bowie fl-ewwel post fil-klassifika Amerikana

L-aħħar album ta’ David Bowie, maħruġ biss jumejn qabel il-mewt tal-kantant iktar kmieni dan ix-xahar, spara lejn l-ewwel post fil-klassifika Amerikana.
Ironikament din hi l-ewwel darba li album ta’ Bowie kien fil-quċċata nett tal-klassifika Amerikana.
“Blackstar” inbiegħ b’181,000 kopja.
L-album ta’ Bowie, “The Next Day”, kien wasal sat-tieni post fil-klassifika Amerikana fl-2013.
Anke fir-Renju Unit id-diski tiegħu reġgħu sparaw fil-klassifika wara li ħafna kienu dawk li reġgħu fittxew id-diski klassiċi tiegħu.
Il-ġimgħa li għaddiet, 19-il album differenti ta’ Bowie reġgħu daħlu fil-klassifika Ingliża.