L-aħħar aġġornamenti uffiċjali dwar il-coronavirus f’Malta

Monique Agius

Read in English.

Il-każi tal-coronavirus f’Malta jidher li qed jiżdiedu. Minkejja dan, jidher ukoll li l-każijiet kollha sa issa huma impurtati minn barra u mhux każ ta’ trażmissjoni minn persuna għall-oħra.

Ta’ kuljum, il-Gvern qed joħroġ dokument dwar l-aħħar aġġornamenti dwar il-coronavirus f’Malta. Id-dokument iħares lejn l-aħħar miżuri u regoli mħabbra mill-Gvern b’rabta mal-virus, kif ukoll rapporti qosra tal-aħħar każijiet u l-helplines li wieħed jista’ jagħmel kuntatt magħhom.

X’inhuma l-miżuri ta’ għajnuna li ħabbar il-Gvern?

Ilbieraħ il-Gvern ħabbar dik li sejħilha l-ewwel sensiela ta’ miżuri ta’ għajnuna għan-negozji fl-oqsma tat-turiżmu, l-ospitalità, it-trasport u l-manifattura. Dan b’valur ta’ €100 miljun.

  • Posponiment fil-ħlas tat-taxxa proviżorja, il-VAT u l-bolla, għax-xhur ta’ Marzu u April, kemm għal min iħaddem kif ukoll għas-self-employed.
  • Se titnieda skema biex jingħataw rifużjonijiet tal-ispejjez lin-negozji li investew fit-teleworking.
  • Se jkunu aċċellerati l-pagamenti li huma dovuti mill-Gvern lin-negozji biex tkun protetta l-likwidita tagħhom.

Il-Gvern ħabbar ukoll direttiva sabiex talbiet għal teleworking minn ħaddiema tas-settur pubbliku kollu jiġu aċċettati waqt li jsir dak kolu possibbli biex tabiet simili jintlaqgħu, l-aqwa li x-xogħol u s-servizz lill-klijenti jibqa’ konsistenti.

Ġie ppubblikat ukoll Avviż Legali għal kwarantina li jingħata lill-impjegat mingħajr telf ta’ paga f’każijiet fejn l-impjegat huwa legalment obbligat li jħares ordni ta’ kwarantina li tillimitah għal ċerta żona jew post kif determinat mill-awtoritajiet tas-saħħa.

X’inhuma l-aħħar miżuri kontra t-tixrid tal-virus f’Malta?

  • Se jkunu magħluqa l-Qrati tal-Ġustizzja, it-Tribunali Lokali, u l-mużewijiet nazzjonali kollha.
  • Is-swieq fil-beraħ, għajr dawk li jbiegħu prodotti tal-ikel, se jingħalqu. Il-postijiet tas-swieq tal-ikel iridu jżommu 20 metru bogħod minn xulxin.
  • L-Esplora wkoll se tinżamm magħluqa.
  • L-istess jgħodd għad-Day Care Centres. Twaqqaf l-aċċess li jsir b’superviżjoni lit-tfal, kemm dawk li jinsabu b’care order u anke oħrajn li mhumiex.
  • Anke l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u ċ-ċentri ta’ detenzjoni fejn jinżammu l-immigranti mhux se jaċċettaw viżitaturi sad-19 ta’ Marzu.
  • L-istess jgħodd għaċ-ċentri ta’ detenzjoni.
  • L-Aġenzija Sapport ħabbret emendi fil-Home Help. Il-helpers issa se jkunu qed jixtru biss ikel u mediċini għall-anzjani.

Appell dwar il-ħażna tal-ikel

Il-Gvern appella sabiex ma jinħoloqx paniku dwar il-ħażna tal-ikel. Sostna li laqgħa li kellu mal-importaturi ewlenin tal-ikel u sidien ta’ supermarkets uriet li l-ħażniet tal-ikel fil-pajjiż huma aktar minn biżżejjed. Appella sabiex il-konsumaturi jibqgħu jagħmlu x-xirja normali tagħhom mingħajr allarm jew konfużjoni.

Każijiet ta’ Coronavirus f’Malta

7 ta Marzu: L-ewwel każ: Tifla Taljana ta’ 12-il sena li tgħix Malta. Hi kienet mal-familja tagħha f’Ruma

7 ta’ Marzu: It-tieni u t-tielet każ: Il-ġenituri tat-tifla (l-ewwel każ) ġew ukoll ikkonfermati pożittivi għall-coronavirus

9 ta’ Marzu: Ir-raba’ każ: Raġel Norveġiż residenti Malta. Kien għall-btala fin-naħa ta’ fuq tal-Italja

10 ta’ Marzu: Il-ħames każ: Bint in-Norveġiż tinstab pożittiva wkoll għal COVID-19

11 ta’ Marzu: Is-sitt każ: Tabib Malti jirriżulta pożittiv. Kien fuq btala fid-Dolimiti

11 ta’ Marzu: Is-seba’ każ: Mara kkonfermata pożittiva. Kienet fuq btala mat-tabib Malti (sitt każ)

12 ta’ Marzu: It-tmien u d-disa’ każ: Raġel ta’ 29 sena, barrani li jgħix u jaħdem Malta. Mar il-Belġju u ġie lura fit-8 ta’ Marzu. Mara ta’ 26 sena, barranija wkoll li siefret lejn Berlin u ġiet lura Malta minn Amsterdam fl-10 ta’ Marzu

13 ta’ Marzu:  Jitħabbru 4 każi:

L-10 każ: Malti ta’ 45 sena li ġie lura minn Munich fis-7 ta’ Marzu. Ħarġulu s-sintomi fil-11 ta’ Marzu: qtugħ ta’ nifs u deni.

Il-11-il każ: Taljan ta’ 40 sena li jgħix u jaħdem Malta. Mar Pariġi fid-29 ta’ Frar u ġie lura fis-6 ta’ Marzu. Ħarġulu s-sintomi fl-10 ta’ Marzu.

It-12-il każ: Mara ta’ 30 sena li hi care worker fis-settur tas-saħħa. Mhix infermiera. Hija marret Brussell fil-5 ta’ Marzu u ġiet lura fid-9 ta’ Marzu. Daħlet għax-xogħol fl-10 ta’ Marzu.  

It-13-il każ: It-tfajla Maltija ta’ 19-il sena vvjaġġat lejn Brussell bejn l-4 u t-8 ta’ Marzu. It-tfajla ħasset l-ewwel sintomi tagħha, nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Marzu.

14 ta’ Marzu: Jitħabbru 5 każi:

L-14-il każ: Russu li ġie lura Malta mir-Russja fl-4 ta’ Marzu. Ħass is-sintomi fil-11 ta’ Marzu. Hu jgħix ma’ persuna oħra.

Il-15-il każ: Malti ta’ 33 sena kien Dublin bejn is-7 u l-10 ta’ Marzu. Ħass is-sintomi fid-9 ta’ Marzu.

Is-16-il każ: Malti ieħor mar Barċellona, bejn is-6 u d-9 ta’ Marzu. Għamel kwarantina f’daru u ħarġulu s-sintomi ftit tal-jiem wara.

Is-17 u t-18-il każ: Koppja barranija li jgħixu flimkien: Persuna minn Hong Kong u oħra mill-Italja. Kienu msefrin Madrid mis-7 sal-10 ta’ Marzu. It-tnejn jaħdmu ma’ kumpanija privata.

X’inhuma l-helplines tal-Gvern dwar il-coronavirus?

  • 111 – Għall-persuni li jħossu sintomi tal-COVID-19 jew jixtieq iktar informazzjoni;
  • 22042200 – Għar-residenti Maltin li nqabdu f’wieħed mill-pajjiżi ta’ riskju għoli u jridu jiġu lura Malta;
  • 21411411 – Għall-persuni fi kwarantina mandatorja li għandhom bżonn provvista ta’ ikel u mediċini.
  • 25981000 – Għal dawk li għandhom domandi dwar is-settur edukattiv u l-impatt tal-Coronavirus.
  • 21692447 – Għal lukandiera u turisti li għandhom domandi dwar il-miżuri mħabbra.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn