Ħadd ma nqabad jikser il-kwarantina f’175 spezzjoni

a man wears a mask outside St Julians coronavirus
Miguela Xuereb

Kulma jmur, il-każijiet tal-coronavirus f’Malta qegħdin jiżdiedu. L-awtoritajiet tas-saħħa, iżda, qalu li s’issa, it-38 pazjent bil-coronavirus kollha jinsabu f’kundizzjoni tajba.

Ta’ kuljum, il-Gvern qed joħroġ dokument dwar l-aħħar aġġornamenti dwar il-coronavirus f’Malta. Id-dokument iħares lejn l-aħħar miżuri u regoli mħabbra mill-Gvern b’rabta mal-virus, kif ukoll rapporti qosra tal-aħħar każijiet u l-helplines li wieħed jista’ jagħmel kuntatt magħhom.

Aktar minn 1,600 swab test

It-testijiet permezz ta’ swabs fuq nies li ġew lura minn barra, li kellhom xi sintomu jew kienu suspettati li kellhom il-virus, qegħdin dejjem jiżdiedu u s’issa saru aktar minn 1,600 swab. Il-Gvern fakkar li Malta tibqa’ fost l-aktar pajjiżi li qed tagħmel swabs fl-Ewropa.

Qed jiżdied ukoll l-iscreening respiratorju għal dawk li jidħlu Mater Dei. S’issa saru aktar minn 300 test. Żdied ukoll il-contact tracing biex is-sitwazzjoni tibqa’ kkontrollata. Il-parir jibqa’ dak li kulħadd jevita ħafna kuntatt man-nies; jekk jista’ jaħdem mid-dar bit-teleworking, l-anzjani jibqgħu ġewwa u ma jkunx hemm iffullar fi ħwienet u supermarkets. Fuq kollox ħasil tal-idejn ta’ spiss.

Nirringrazzjaw lill-eroj tagħna

Iżjed ma s-sitwazzjoni tiggrava, iżjed ikun hemm bżonn l-għajnuna tal-professjonisti u l-ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa u l-membri tal-korpi dixxiplinati li qed jaħdmu lejl u nhar, kuljum, biex jgħinu lil dawk fil-bżonn.

Il-Gvern beda inizjattiva ġdida sabiex jintbagħtu messaġġi ta’ ringrazzjament, bl-awdjo jew bil-filmat, lil dawn il-ħaddiema fuq WhatsApp 7907 5414. Il-Gvern appella, “Dawn huma eroj. Ngħidulhom aktar minn ‘grazzi’.”

Ma nstab ħadd jikser il-liġi ta’ kwarantina lbieraħ

B’kollox mindu bdew ir-rondi mill-Pulizija saru 577 spezzjoni madwar Malta u Għawdex.

Fl-aħħar 24 siegħa saru 149 spezzjoni f’Malta u 26 f’Għawdex. Għall-ewwel darba waqt l-ispezzjonijiet ma nstab ħadd li qed jikser il-liġi.

Każijiet ta’ coronavirus f’Malta

7 ta Marzu: L-ewwel każ: Tifla Taljana ta’ 12-il sena li tgħix Malta. Hi kienet mal-familja tagħha f’Ruma 

7 ta’ Marzu: It-tieni u t-tielet każ: Il-ġenituri tat-tifla (l-ewwel każ) ġew ukoll ikkonfermati pożittivi għall-coronavirus 

9 ta’ Marzu: Ir-raba’ każ: Raġel Norveġiż residenti Malta. Kien għall-btala fin-naħa ta’ fuq tal-Italja  

10 ta’ Marzu: Il-ħames każ: Bint in-Norveġiż tinstab pożittiva wkoll għal COVID-19 

11 ta’ Marzu: Is-sitt każ: Tabib Malti jirriżulta pożittiv. Kien fuq btala fid-Dolimiti  

11 ta’ Marzu: Is-seba’ każ: Mara kkonfermata pożittiva. Kienet fuq btala mat-tabib Malti (sitt każ) 

12 ta’ Marzu: It-tmien u d-disa’ każ: Raġel ta’ 29 sena, barrani li jgħix u jaħdem Malta. Mar il-Belġju u ġie lura fit-8 ta’ Marzu. Mara ta’ 26 sena, barranija wkoll li siefret lejn Berlin u ġiet lura Malta minn Amsterdam fl-10 ta’ Marzu 

13 ta’ Marzu:  Jitħabbru 4 każijiet: 

L-10 każ: Malti ta’ 45 sena li ġie lura minn Munich fis-7 ta’ Marzu. Ħarġulu s-sintomi fil-11 ta’ Marzu: qtugħ ta’ nifs u deni.

Il-11-il każ: Taljan ta’ 40 sena li jgħix u jaħdem Malta. Mar Pariġi fid-29 ta’ Frar u ġie lura fis-6 ta’ Marzu. Ħarġulu s-sintomi fl-10 ta’ Marzu.

It-12-il każ: Mara ta’ 30 sena li hi care worker fis-settur tas-saħħa. Mhix infermiera. Hija marret Brussell fil-5 ta’ Marzu u ġiet lura fid-9 ta’ Marzu. Daħlet għax-xogħol fl-10 ta’ Marzu.  

It-13-il każ: It-tfajla Maltija ta’ 19-il sena vvjaġġat lejn Brussell bejn l-4 u t-8 ta’ Marzu. It-tfajla ħasset l-ewwel sintomi tagħha, nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Marzu.

14 ta’ Marzu: Jitħabbru 5 każijiet:  

L-14-il każ: Russu li ġie lura Malta mir-Russja fl-4 ta’ Marzu. Ħass is-sintomi fil-11 ta’ Marzu. Hu jgħix ma’ persuna oħra.

Il-15-il każ: Malti ta’ 33 sena kien Dublin bejn is-7 u l-10 ta’ Marzu. Ħass is-sintomi fid-9 ta’ Marzu. 

Is-16-il każ: Malti ieħor mar Barċellona, bejn is-6 u d-9 ta’ Marzu. Għamel kwarantina f’daru u ħarġulu s-sintomi ftit tal-jiem wara.  

Is-17 u t-18-il każ: Koppja barranija li jgħixu flimkien: Persuna minn Hong Kong u oħra mill-Italja. Kienu msefrin Madrid mis-7 sal-10 ta’ Marzu. It-tnejn jaħdmu ma’ kumpanija privata. 

15 ta’ Marzu: Jitħabbru 3 każijiet: 

Id-19-il każ: Malti ta’ 23 sena li huwa healthcare worker. Mar Dublin is-7 u l-10 Marzu, fil-11 ta’ Marzu beda bis-sintomi. 

L-20 każ: Student Malti ta’ 20 sena li wkoll mar Dublin fl-Irlanda u ġie lura fl-istess titjira. Mar fl-lecture fl-Università.  

Il-21 każ: Portugiż ta’ 21 sena li kien f’Madrid u ġie Malta biex jaħdem. Ġie fl-10 ta’ Marzu flimkien mat-tfajla tiegħu u fit-13 ta’ Marzu bdew is-sintomi. 

16 ta’ Marzu: Jitħabbru 9 każijiet:

It-22 każ: Maltija ta’ 56 sena li siefret lejn l-Ingilterra bejn il-5 u t-13 ta’ Marzu. Fil-15 ta’ Marzu kellha d-deni, s-sogħla u uġigħ ta’ ras. Hi ma taħdimx.

It-23 każ: Malti ta’ 34 sena. Dan mar fuq btala ma’ persuni oħra li siefru lejn Barċellona. Kien imsiefer bejn is-6 u d-9 ta’ Marzu. Fl-14 ta’ Marzu kellu sintomi ta’ sogħla u deni ħafif.

L-24 każ: Spanjol ta’ 15-il sena. Kien sejjer lura lejn pajjiżu meta ħassu ma jiflaħx waqt li kien fl-ajruport.

Il-25 każ: Taljana ta’ 49 sena li tgħix Malta. Din ma sifritx imma kellha kuntatt fil-qrib mar-raġel tagħha. Ir-raġel kien siefer lejn Ruma u Montenegro.

Is-26 każ: Ingliż ta’ 32 sena li jgħix Malta. Ġie lura mill-Ingilterra fit-13 ta’ Marzu u l-għada żviluppawlu s-sintomi.

Is-27 każ: Malti ta’ 19-il sena li marad wara li siefer lejn Dublin. Kien imsiefer ma’ grupp li fih kien hemm xi ħaddieħor li marad bil-coronavirus. Kienu msefrin bejn il-5 u l-10 ta’ Marzu.

It-28 każ: Professjonist tas-Saħħa ta’ 36 sena. Kellu s-sintomi fl-14 ta’ Marzu. Hu mar għax-xogħol, però kellu kuntatt minimu mal-pazjenti.

Id-29 każ: Healthcare worker ta’ 23 sena. Ħarġulha s-sintomi fit-13 ta’ Marzu. Kienet fi kwarantina.

It-30 każ: Professjonist tas-saħħa ħasset is-sintomi fl-14 ta’ Marzu. Hi ma kinitx imsiefra. L-awtoritajiet jemmnu li din il-persuna seta’ kellha żewġ sorsi ta’ infezzjoni.

X’miżuri ttieħdu fit-trasport pubbliku?

Bħala waħda mill-miżuri kontra t-tixrid tal-coronavirus, il-karozzi tal-linja bdew jiġu ffumigati matul il-lejl fil-park and ride tal-Marsa, iċ-Ċirkewwa u r-Rabat, Għawdex. B’kollox hemm aktar minn 400 xarabank involuti. Transport Malta qalet li anke l-bus stops u terminals f’ċentri ewlenin qed jiġu ffumigati.

Biex tonqos ukoll il-firxa tal-coronavirus u biex il-ħaddiema jiġu protetti aktar, Transport Malta mhix qed taċċetta pagamenti bi flus kontanti iżda b’ċekkijiet jew cards.

Mil-lum għandhom isiru xi tibdiliet fl-iskeda tal-karozzi tal-linja.

X’miżuri ttieħdu fl-ekonomija?

Wara li s-Sibt li għadda tħabbar il-posponiment ta’ ħlas ta’ taxxa għal xahrejn lill-kumpaniji u self-employed kif ukoll ir-rifużjonijiet fuq investiment li jagħmlu n-negozji għat-teleworking, iktar tard din il-ġimgħa l-Gvern għandu jħabbar iktar miżuri b’saħħithom biex iwieżen l-ekonomija.

In-negozji u s-self-employed se jiġu megħjuna biex iħarsu l-impjiegi tal-ħaddiema. Intqal li, “filwaqt li l-Gvern u n-negozji jridu jerfgħu parti mir-responsabbiltà biex il-ħaddiema ma jkunx vittma, il-ħaddiema wkoll għandhom jagħtu l-parti tagħhom billi jkunu flessibbli.”

X’inhuma l-helplines tal-Gvern dwar il-coronavirus?

  • 111 – Għall-persuni li jħossu sintomi tal-COVID-19 jew jixtieq iktar informazzjoni;
  • 22042200 – Għar-residenti Maltin li nqabdu f’wieħed mill-pajjiżi ta’ riskju għoli u jridu jiġu lura Malta;
  • 21411411 – Għall-persuni fi kwarantina mandatorja li għandhom bżonn provvista ta’ ikel u mediċini.
  • 25981000 – Għal dawk li għandhom domandi dwar is-settur edukattiv u l-impatt tal-coronavirus.
  • 21692447 – Għal lukandiera u turisti li għandhom domandi dwar il-miżuri mħabbra.
  • 25903030 – Għall-anzjani mingħajr sapport li għandhom bżonn mediċini, ikliet lesti jew prodotti tal-ikel (frott u ħaxix)

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn