L-aħħar 4 episodji ta’ Issa Naraw

Is-sensiela Issa Naraw tasal fi tmiemha din il-ġimgħa hekk kif bejn illum it-Tnejn u nhar il-Ħamis se jkunu qed jixxandru l-aħħar 4 episodji ta’ din is-sensiela li oriġinarjament ixxandret fl-1996.

Dan hu dak li se jkun qed jiġri ġurnata b’ġurnata f’dawn l-episodji li jixxandru fuq TVM fit-3pm.

It-Tnejn 1 ta’ Ġunju

Marija se tagħmel ikla għall-ħbieb u ma trid lil ħadd tidħol fid-dar tagħha ħlief iz-zija Marthese biex issajrilha. Fil-fatt ikollha tħallas lil Tony biex imur Għawdex. Kollox jimxi ħarir sakemm Marthese tiddeċiedi li tħalliha għax ikollha toħrog għal xi ħin mid-dar. It-tisjir jispiċċah in-nannu u jagħmel diżastru kbir…biss hemm soluzzjoni kif joħrog minn din is-sitwazzjoni tant imbarazzanti għalih…

It-Tlieta 2 ta’ Ġunju

Marthese tmur l-Italja biex tiltaqa’ ma’ Pippo. In-nannu jiddeċiedi li jibda jgħin hu fid-dar, iżda t-tfal juru nuqqas ta’ dixxiplina u jħallu kollox kif ġie ġie. In-nannu Lino jikkonvinċi lil John biex iġibu lil xi ħadd jieħu ħsieb id-dar u l-familja. Jaħsbu biex jagħmlu avviż fil-gazzetti…

L-Erbgħa 3 ta’ Ġunju

Il-ħajja tan-nannu dejjem issir aktar kumplikata. Jipprova jagħmel minn kollox biex jieħu ħsieb il-familja hu, biss jum minnhom jiġu d-dar żewġ nisa li jriduh jidħol fix-xirka tat-tiġdid tal-moħħ…

Il-Ħamis 4 ta’ Ġunju

Tasal Marthese ma’ Pippo li jidher minn tagħna ħafna. Biss mill-ewwel jibda l-inkwiet għal John u n-nannu Lino għax f’daqqa waħda jidħlu d-dar Jean u Stella li mill-ewwel juru kemm huma minn ta’ ġewwa quddiem Marthese. Naturalment Marthese trid taf min huma dawn in-nisa, biss Pippo mill-ewwel jieħu r-riedni f’idejh u jistieden lil kulħadd għall-ikel f’wieħed mill-aħjar restoranti. Dan ifisser inkwiet kbir.

Mill-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju fl-istess ħin minflok Issa Naraw se tkun qed tixxandar It-Tmien Nota, li oriġinarjament ixxandret fl-2008.