“L-aħbar li se nilħaq kap interim hija fake news” – Chris Said

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Chris Said sostna li l-aħbar li ħarġet fuq L-Orizzont li hu se jitlaħħaq l-kap interim tal-Partit Nazzjonalista sa Mejju hija fake news.

Dan qalu permezz ta’ post fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook fejn insista li dak kien biss mezz ta’ kif “iħawwdu l-borma” u li din ma kienet xejn ħlief “invenzjoni minn tagħhom”.

Dalghodu l-Orizzont, biex minn ghalihom ihawdu l-borma, hargu b' INVENZJONI minn taghhom.

Posted by Chris Said on Thursday, January 10, 2019

Fl-artiklu li jinsab fuq il-faċċata tal-gazzetta L-Orizzont tal-lum, intqal li wara l-pressjoni li saret fuq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, hemm pjanijiet biex Said li kien ġie eżatt wara Delia fl-elezzjonijiet għall-kap, jinħatar bħala interim leader sal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-kunsilli lokali f’Mejju li ġej.

L-Orizzont ikkwotat dawk li sejħulhom attivisti qrib il-Partit Nazzjonalista li skont kummenti tagħhom id-Deputat Nazzjonalista Chris Said jista’ jgħaqqad il-Partit Nazzjonalista. L-Orizzont qalet li għamlet kuntatt ma’ Said li talab li jsirulu l-mistoqsijiet bil-miktub. Qalet li l-gazzetta kienet għadha bla tweġiba sal-ħin tal-pubblikazzjoni.

Skont l-attivist li tkellem mal-Orizzont, dawk l-attivisti li jridu li Delia jitneħħa minn kap qed jaħdmu fuq pjan biex Chris Said jitpoġġa bħala kap interim.