L-agħar tal-coronavirus għadu ġej – WHO

REUTERS/Denis Balibouse

‘Emmnuna, l-agħar għadu ġej,’ wissa Tedros Adhanom Ghebreyesus, id-Direttur Ġenerali tad-WHO, meta tkellem dwar il-pandemija tal-Covid-19 li għaddejja bħalissa. Għalkemm ma speċifikax eżattament x’għandna nistennew u kif is-sitwazzjoni se taqleb għall-agħar, id-WHO diġà wissiet dwar il-possibilità tal-firxa tal-virus fl-Afrika fil-futur viċin.

Madankollu, riċerka ġdida turi li hija biss parti żgħira mill-popolazzjoni tad-dinja – forsi madwar 2% jew 3% biss – li tidher li għandha l-antikorpi fid-demm. Ghebreyesus wissa lill-pajjiżi kollha li bdew jerħu l-miżuri ta’ lockdown, billi qal ‘it-tħaffif tar-restrizzjonijiet mhux it-tmiem tal-epidemija fi kwalunkwe pajjiż.’

Sadanittant l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa wissiet li kwalunkwe tneħħija ta’ lockdowns li bħalissa huma fis-seħħ f’diversi pajjiżi biex tiġi kkontrollata l-imxija tan-novel coronavirus għandha tkun gradwali, u li jekk ir-restrizzjonijiet jitneħħew malajr wisq jista’ jkun hemm żieda fin-numru ta’ infezzjonijiet.

Il-miżuri tal-lockdown taw riżultati pożittivi, u kulħadd għandu jkun lest li jadatta għal mod ġdid ta’ ħajja li jippermettu lis-soċjetà biex tkompli tiffunzjona filwaqt li l-virus jinżamm taħt kontroll, qal Takeshi Kasai, Direttur Repjonali tad-WHO għall-Paċifiku tal-Punent.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn