Filmat: L-aġġudikazzjoni għall-isptar il-ġdid titwaqqaf wara blogg fuq Newsbook

Read in English.

L-aġġudikazzjoni għall-isptar il-ġdid prefabricated twaqqfet wara l-allegazzjonijiet li saru mill-MP tal-PN Jason Azzopardi.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne talab biex il-proċess jiġi sospiż biex jassigura li ma kienx hemm aġir ħażin.

Fearne qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet wara li ġie mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar dan l-istess sptar.

Azzopardi qal li kumpanija Ġermaniża ntalbet tipprovdi kwotazzjoni għall-bini tal-isptar lil kumpanija b’rabta mal-Partit Laburista aktar minn ġimagħtejn ilu.

Fearne qal li saret sejħa internazzjonali għall-proġett. Is-sejħa ntemmet illum.

“Ilbieraħ rajt xi, j’Alla hux intom stess fuq Newsbook, tellajtu xi allegazzjonijiet minn xi membru parlamentari li jista’ jkun hemm xi ħadd li dan kien jaf minn qabel jew is-soltu allegazzjonijiet. Jiena persuna li ma nittollera l-anqas l-inqas suspett ta’ xi ħaġa li tista’ tkun allegata fil-konfront ta’ xi ħaġa li għandi x’naqsam magħha jien allura tlabt lill-adjudication board biex jieqaf mix-xogħol li qed jagħmel temporanjament sakemm nara x’inhi din is-sitwazzjoni ħalli niddeċiedi jekk hemmx verità f’dak li qed jingħad jew le.”

Is-sit identifikat biex jinbena l-isptar huwa wieħed mill-ispazzji ta’ parkeġġ li hemm qrib Mater Dei.

Nies qrib l-industrija li tipprovdi makkinarju għall-isptarijiet qalu lil Newsbook.com.mt illi biex jinbena u jkun mgħammar b’mod effettiv dan l-isptar trid tintefaq somma ta’ bejn it-€80 u €90 miljun. Sors qal li l-għoti ta’ 48 siegħa biex tagħmel it-tender kien żmien qasir immens “biex ma ngħidx wieħed impossibbli biex tagħmel l-affarijiet sew”, qalilna l-istess sors.

L-istess sorsi qalulna li qatt ma raw dokument ta’ tender miktub b’dan il-mod. Semmew li fid-dokument m’hemmx speċifikazzjonijiet dettaljati tat-tagħmir mediku li jrid jintuża.

“Tagħmel differenza kbira jekk jinġiebx tagħmir top class jew tagħmir ta’ kwalità anqas.”

L-istess persuna qalilna li min jissottometti proposta ried ukoll jintrabat illi jirrinunzja għal kull appell mid-deċiżjoni.

Il-kritiċi tal-Gvern qed jistaqsu għalfejn il-Maltin se jkollhom iħallsu għal sptar pre-fabricated meta l-kumpanija Steward Healthcare kellha ttejjeb il-kundizzjoni tal-Isptar San Luqa.

Il-blogg oriġinali ta’ Jason Azzopardi jidher hawn.

Fearne qal li twaqqaf il-proċess waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha tħabbru miżuri addizzjonali.