L-aġenziji tal-propjetà jgħidu li l-liġi tħalliet sentejn fuq l-ixkaffa

L-aġenziji tal-propjetà li huma membri tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, l-MDA, qalu li White Paper b’regolamentazzjoni ta’ kif għandu jiġi rregolat is-settur tagħhom tħalliet sentejn fuq l-ixkaffa.
Fi stqarrija, il-President tas-sezzjoni ta’ aġenti tal-propjetà fi ħdan l-MDA Douglas Salt qal li permezz tas-sezzjoni li ġiet iffurmata, saret “ir-rappreżentanta tal-industrija fuq numru ta’ bordijiet u aġenziji tal-Gvern, fl-interess tal-professjoni, il-pubbliku u l-aġenziji kollha”.
Stqarr li s-suq tal-proprjetà bħal issa jirrikjedi livell għoli ta’ professjonaliżmu li hu ta’ ġid għall-ekonomija lokali. Għalhekk spjega li s-sezzjoni se taħdem biex twassal livell għoli ta’ informazzjoni lill-konsulenti tal-proprjetà ta’ kull tip biex tassigura livell ta’ servizz eċċellenti għall-pubbliku.
L-istqarrija tgħid ukoll li s-sezzjoni ħadet l-inizjattiva biex tħarreġ lill-konsulenti tal-proprjetà biex jagħtu servizz professjonali lill-klijenti, kemm bejjiegħa u xerrejja u għandha fi ħdanha 12-il aġenzija prominenti u għadd ta’ aġenti individwali.