L-Aġenzija Sapport tirbaħ Premju Ġieħ l-Artiġjanat Malti

L-Aġenzija Sapport fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali ġiet rikonoxxuta bħala entità li promwoviet l-inklussività u l-integrazzjoni. Dan billi involviet persuni b’diżabilità fil-manifattura ta’ prodotti artiġjanali fit-tielet edizzjoni tal-Premju Ġieħ l-Artiġjanat Malti.

Bħala rikonoxximent l-Aġenzija Sapport ingħatat premju ta’ €5,000. Bil-fondi se jinxtara materjal u għodda għal waqt is-sezzjonijiet ta’ artiġġjanat minn persuni b’diżabilità li jattendu ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum tal-Aġenzija Sapport.

L-oġġetti magħmula waqt dawn is-sessjonijiet ikunu għall-bejgħ. Bil-qliegħ jitħallsu spejjeż marbuta mal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet oħra għall-klijenti li jattendu l-istess Ċentri.

L għan tal-parteċipazzjoni f’din l-inizjattiva kien li l-Aġenzija tippromwovi l kunċett li wieħed iħares lejn il-ħiliet talenti ta’ persuni oħra u mhux jitwarrbu minħabba xi limitazzjonijiet li jista’ jkollhom.