L-Aġenzija għar-Residenza u Viża tiġġenera 3 darbiet iżjed dħul waqt Covid

L-Aġenzija Maltija għar-Residenza u Viża din is-sena ġġenerat tliet darbiet iktar dħul minn dak li ġie ġġenerat fis-snin li għaddew.

Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat, li qal li l-COVID-19 żiedet l-interess minn investituri barranin fi programmi ta’ residenza. Dan għax jagħtu opportunità u lok ta’ alternattiva oħra ta’ residenza lin-nies, sabiex jinvestu u jiftħu l-operat tan-negozji tagħhom f’Malta. Huwa qal li l-investituri se jkunu qed ifittxu pajjiż aktar sigur, ekonomikament stabbli, u jqisu wkoll ir-rispons lejn sitwazzjonijiet eċċezjonali bħal pandemija.

Muscat kien qed jitkellem waqt l-ewwel laqgħa formali tal-bord il-ġdid tal-istess aġenzija.

L-Aġenzija Maltija għar-Residenza u Viża tieħu ħsieb il-Programm ta’ Residenza b’Investiment. L-għan ta’ din l-aġenzija hu li toffri opportunità ta’ residenza permezz ta’ investiment f’Malta. Dan lill-individwi u familji li ġejjin minn pajjiżi terzi, li qed ifittxu pajjiż stabbli u sigur fejn joqogħdu, jibgħatu lit-tfal l-iskola u fejn jkabbru n-negozju tagħhom. Dan ukoll isir wara proċess rigoruż ta’ diliġenza.

Muscat qal li l-aġenzija ħalliet ‘il fuq minn €23 miljun fil-Fond Konsolidat ta’ Malta. Sa mill-bidu tat-tnedija tal-Aġenzija, daħlu 2,506 applikazzjonijiet, li minnhom ġew proċessati 72%. Sa issa nħarġu 743 ċertifikat ta’ residenza wara li ngħalaq il-proċess kollu u l-kumplament qed jiġu pproċessati wara li rċevew l-approvazzjoni fl-aħħar xhur.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Charles Mizzi spjega kif fiż-żmien li ġej, il-viżjoni għat-tibdil fil-programm il-ġdida ta’ residenza se tiġi varata u l-qafas tiegħu ppreżentat. Minn naħa tagħha, iċ-Chairperson tal-Bord il-ġdid Nadette Azzopardi tenniet kemm l-aġenzija qed tkompli tikber sena wara sena, u fakkret li l-uffiċini tal-Aġenzija ġew rilokati hekk kif estendiet l-operat tagħha.

Muscat ikkonkluda l-indirizz tiegħu billi rringrazzja lill-bord preċedenti għall-ħidma tiegħu.