L-aġenti tal-propjetà jridu lill-Gvern jirrevedi l-liġi tal-kera

Lee Dobson

Read in English.

Aġenti tal-propjetà Maltin huma mħassbin fuq il-liġi tal-kera l-ġdida li daħlet fis-seħħ f’Jannar li għadda, u jridu li l-Gvern jirrevediha.

Fi stqarrija mibgħuta minn Frank Salt Real Estate, huma qalu illi kundizzjonijiet dwar it-tul tal-kirjiet u n-nuqqas ta’ libertà fil-kuntratt qed joħolqu problemi serji fis-suq, kemm għas-sidien, kif ukoll għall-inkwilini.

Spjegaw illi s-sidien tal-kera qegħdin isiru iżjed kawti meta jiġu biex jagħmlu kuntratti ġodda, u qed joqogħdu attenti lil min jikru. L-aġenti tal-propjetà nnutaw illi n-numru ta’ binjiet għall-kera naqas b’mod sinifikanti, u hemm ir-riskju, skonthom, li postijiet li kienu jinkrew issa jibdew isiru għall-bejgħ. L-aġenti komplew jgħidu illi dan ikompli jgħolli l-prezzijiet tal-kera fi żmien meta hemm indikazzjonijiet fis-suq li d-domanda naqset.

L-aġenti stqarrew li l-liġi ma solvietx il-kwistjonijiet li kellha tindirizza, u ħolqot aktar kwistjonijiet minflok.

Huma beħsiebhom iqajmu din il-kwistjoni waqt laqgħa mal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, u appellaw lill-awtoritajiet biex jirrevedu l-liġi.

“Il-liġi qed tintlaqa’ tajjeb ħafna”

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ħabbar li sa issa saru 3,600 reġistrazzjoni ta’ kuntratti ta’ kirjiet privati, wara li daħlet fis-seħħ il-liġi l-ġdida.

Spjega li l-Awtorità tad-Djar qed ikollha medja ta’ 500 reġistrazzjoni fil-ġimgħa. 23% tal-kuntratti rreġistrati s’issa huma għal kirjiet ta’ sentejn jew aktar.

Kemm il-Ministru, kif ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay, qalu li l-liġi qed tintlaqa’ tajjeb ħafna u hija effettiva.

DOI: Reuben Piscopo