L-Aġent Virtwali issa jista’ jintuża fuq WhatsApp

Kumpanija lokali EBO f’kollaborazzjoni ma’ ditta globali

Read in English.

EBO.ai u Vonage daħlu f’kollaborazzjoni biex jiżviluppaw soluzzjoni ġdida biex l-Aġent Virtwali ta’ EBO ikun jista’ jitħaddem fuq l-akbar messaging app fid-dinja, WhatsApp. Dan il-proġett jippermetti li kumpanija tieħu s-servizz tal-klijent minn ġol-contact centre direttament għal fuq l-ismartphone tal-konsumturi tagħha.

Din l-inizjattiva ġġib flimkien l-Aġent Virtwali intelliġenti ta’ EBO u s-sistema ta’ komunikazzjoni rinomata ta’ Vonage biex toħloq metodi ġodda ta’ għajnuna lill-klijent fuq l-għodod diġitali li jagħżlu huma stess bħal Viber, Facebook Messenger, u WhatsApp.

Bħala waħda mill-operaturi mondjali ewlenin, Vonage tiżviluppa sistemi ta’ komunikazzjoni tal-għola kwalità u li jintużaw minn uħud mill-akbar ismijiet globali fosthom Revolut, Aramex u Be My Eyes. Il-kumpanija rebħet diversi unur fis-settur tagħha u hija mniżżla fuq il-borża Nasdaq fl-Istati Uniti.

L-integrazzjoni mal-Aġenti Virtwali ta’ EBO issa se twessa’ l-kapaċitajiet tal-pjattaforma ta’ Vonage biex tkun tista’ toffri servizz lill-klijent awtomatizzat kull meta jitolbuh il-konsumaturi. Din is-sistema ta’ komunikazzjoni innovattiva tuża l-intelliġenza artifiċjali biex tipprovdi appoġġ lill-klijenti eċċezzjonali, konsistenti, u immedjat permezz tal-apps li jużaw huma stess.

“Il-kollaborazzjoni tagħna ma’ Vonage hija pass kbir ‘il quddiem u flimkien qed noffru għodda intelliġenti u trasformattiva mill-aktar avvanzata,” spjega il-Kap Eżekuttiv ta’ EBO.ai Dr Gege Gatt. “Dan l-iżvilupp ifisser li issa WhatsApp jista’ jintuża għall-Aġenti Virtwali ta’ EBO. WhatsApp huwa l-aktar messaging app popolari fid-dinja, b’aktar minn 1.6 miljun persuna attiva. Permezz ta’ dan il-proġett qed nuru il-possibiltajiet ġodda li qed joffri l-futur tal-komunikazzjoni.”

Ibbażata f’Malta u r-Renju Unit, EBO tgħin lil kumpaniji biex jimplimentaw Aġenti Virtwali li kapaċi joħolqu konverżazzjonijiet rikki u naturali mal-konsumaturi tagħhom.

L-Aġent Virtwali ta’ EBO jipprovdi servizz tal-klijent 24 siegħa kuljum u huwa disponibbli f’aktar minn 80 lingwa, u jista’ jadatta f’ħin reali għad-domanda tal-mistoqsijiet. Grazzi għat-teknoloġija innovattiva, l-Aġent Virtwali jiġġenera wkoll informazzjoni utli dwar is-suq.

EBO.ai taħdem ma’ Microsoft biex tibni prodotti siguri u ta’ kwalità li jserrħu fuq infrastruttura teknoloġika tal-għola livell.