L-Aġent Kummissarju jiċħad li pprova jindaħal f’xi każ tal-Qorti

L-Aġent  Kummissarju Raymond Zammit ċaħad bil-qawwa kollha li qatt kellu xi ħsieb jew għamel xi tentattiv biex jinfluwenza b’xi mod l-andament tal-ġustizzja,  jew li pprova jindaħal f’xi każ.
Fi stqarrija, il-Korp tal-Pulizija rrefera għall-komunika li nħarġet mill-Maġistrat Francesco Depasquale fil-kawża tal-libell, Il-Pulizija vs Felix Agius,  fejn l-Aġent Kummissarju nstab ħati u ngħata multa ta’ €300 minħabba li naqas li javża lill-akkużat bis-seduta, bil-konsegwenza li s-sentenza kellha terġa’ tiġi posposta.
L-Aġent Kummissarju qal li tliet ġimgħat ilu, l-uffiċjal prosekutur kien informa lill-Qorti li kien se jkun imsiefer fuq xogħol, kif irriżulta mis-seduta stess.
Qed jistieden lill-Qorti biex jekk għandha xi informazzjoni dwar l-allegazzjonijiet magħmula minnha, tgħaddihom lill-Maġistrat tal-Għassa għall-investigazzjoni.
Spjega li hu se jkompli jindaga dawn l-allegazzjonijiet, biex jara jekk hemmx xi proċeduri li jistgħu jitjiebu fl-aħjar interess tal-ġustizzja.
Il-każ ta’ libell kien sar mill-eks Rappreżentant Malti tal-Unjoni Ewropea fi Brussell Richard Cachia Caruana, meta kien jaħdem fis-Segretarjat tal-Prim Ministru, kontra l-eks editur tal-ġurnal Kulħadd, Felix Agius.