L-aġent f’Malta ma jimportax l-Aptamil ‘perikoluż’

L-importatur lokali kkonferma mad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali li l-problema rappurtata l-Ingilterra fuq il-ħalib tat-trabi Aptamil hija dwar formula partikolari tal-ħalib li għadha ma waslitx Malta.

Madankollu, huwa ma eskludiex il-possibbiltà li hemm min jimporta dan il-prodott direttament.

Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali qal lil Newsbook.com.mt li qed isegwi s-sitwazzjoni tal-ħalib Aptamil mill-qrib.

Dan wara artiklu ppubblikat aktar kmieni din il-ġimgħa minn Newsbook.com.mt dwar ilmenti mingħand ommijiet Ingliżi fuq il-ħalib tat-trabi Aptamil, li qed iqabbadhom imsarinhom u anke li jġegħilhom jirremettu.

Id-Direttorat ikkuntattja lill-importatur prinċipali f’Malta, u ċċekkja s-Sistema ta’ Twissija Rapida dwar l-Ikel u l-Għalf (RASFF), u qal li milli jidher, s’issa m’hemm l-ebda notifika uffiċjali fl-ebda pajjiż dwar il-periklu ta’ dan il-ħalib.