L-AĠ x’aktarx mhux se jibqa’ chairman tal-FIAU – Bonnici

L-Avukat Ġenerali se jara l-funzjonijiet tiegħu jinbiddlu.

L-Avukat Ġenerali x’aktarx mhux se jibqa’ c-chairman tal-FIAU wara li jiskadilu t-terminu f’Marzu li ġej. Dan ħabbru l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi meta kien qed jagħmel id-diskors tal-għeluq  għad-dibattitu fl-istadju tat-tieni qari tal-abbozz ta’ liġi li se joħloq ir-rwol ta’ Avukat tal-Istat.

Bonniċi qal li l-Avukat Ġenerali ma jistax jitneħħa qabel jintemm it-terminu f’Marzu li ġej. Huwa qal li jikkunsidra li hekk kif jasal fi tmiemu t-terminu ta’ Dr Peter Grech, jeżamina s-sitwazzjoni u jipproponi persuna oħra għal kariga ta’ Chairman tal-FIAU.

Huwa qal li s-sistema preżenti kienet ġiet introdotta minn Gvern Nazzjonalista u li  l-Gvern Laburista qed jimxi fuq il-passi ta’ dak ta’ qablu.

Bonniċi qal li l-kritika tal-Oppożizzjoni li l-Avukat Ġenerali u dak tal-Istat  jintgħażel b’żewġ terzi tal-kamra hija għażla stramba għax apparti fl-Ungerija, din is-sistema ma teżisti mkien. Huwa qal li l-kritika tal-Membru Parlamentari Olandiż Pieter Omtzigt li l-inkjesti maġisterjali jgħaddu taħt l-Avukat Ġenerali mhix fl-interess nazzjonali għax Malta għandha sistema tajba tal-inkjesti.

“L-Oppożizzjoni ma tistax tikkritika ‘l-Gvern dwar ir-rispett lejn il-liġi…” – Fearne

Kien id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne l-ewwel persuna li fetaħ il-possibiltà li jilqa’ l-kritika tal-Oppożizzjoni li l-Avukat Ġenerali m’għandux jibqa’ fil-kapaċità tiegħu ta’ chairman tal-FIAU.

Fearne qal li l-Oppożizzjoni m’għandha l-ebda kredtu biex tikkritika lill-Gvern dwar ir-rispett lejn il-liġi (is-saltna tad-dritt) għax internament għandha sitwazzjoni fejn kap li ġie elett demokratikament jiġi mfixkel mill-klikka interna.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal li l-Kap Eżekuttiv tal-Pulizija flimkien mal-Avukat Ġenerali qed jaħdmu biex flimkien ipoġġu l-aħjar riżorsi f’tim ta’ prosekuzzjoni li wara perjodu ta’ tranżizzjoni se jitmexxa mill-Avukat Ġenerali  skont il-poteri ġodda li tagħtih il-liġi l-ġdida.