L-AĠ ried ‘go slow’ dwar il-Panama Papers? L-AĠ u l-eks Prim Imħallef ma jaqblux

Read in English.

Filwaqt li l-Prim Imħallef Emeritu qal fil-Qorti li nota mill-Avukat Ġenerali tat il-parir lill-Pulizija biex tieħu l-investigazzjonijiet fil-Panama Papers bil-kalma, l-Avukat Ġenerali sostna ma’ Newsbook.com.mt li dan mhux minnu.

Fid-dikjarazzjoni oriġinali tiegħu, l-Avukat Ġenerali għamel referenza biss għall-post fuq Facebook miktub mill-avukat tal-familja Caruana Galizia Dr Jason Azzopardi. Iżda Newsbook.com.mt fakkru li kien il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino li fil-Qorti rrefera għan-nota miktuba. Fit-tweġiba lil Newsbook.com.mt, hu nnega dak li qal il-Prim Imħallef Emeritu.

Direzzjoni bil-miktub

Il-kwistjoni qamet għall-ħabta tal-11.30am illum waqt is-smigħ tal-inkjesta pubblika fejn kien qed jixhed l-eks kap tas-Sezzjoni tar-Reati Ekonomiċi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, Ian Abdilla. Abdilla kien qed jaqla’ ċamata mill-bord ta’ inkjesta għall-mod kif is-Sezzjoni trattat il-każ tal-Panama Papers – jiġifieri, il-mod kif il-Pulizija ma investigatx il-Panama Papers. L-Imħallfin semgħu kif Abdilla qal li ma saritx investigazzjoni fil-Panama Papers u lanqas ma kienu ngaġġati tal-Europol biex jgħinu f’dan.

Said Pullicino baqa’ jistaqsi dwar il-Panama Papers. F’ħin minnhom staqsa “Inti konxju, hux hekk, li hemm nota mill-Avukat Ġenerali lill-Pulizija fejn ta l-parir biex toqogħdu attenti dwar kif tinvestigaw il-Panama Papers, għax setgħu jinqalgħu problemi kbar fil-pajjiż? Kien għalhekk li m’għamiltu xejn?” L-avukati tal-familja Caruana Galizia kienu viżibilment ixxukkjati bl-aħbar. Fil-Qorti, Abdilla beda jevita milli jwieġeb. Minkejja dan, persuni li kienu fl-awla osservaw lil Abdilla jagħmel sinjal b’rasu bħal qisu jrid jikkonferma l-kliem tal-Imħallef.

“Rivelazzjoni”

Fi tweet wara s-smigħ fil-Qorti, l-Avukat Jason Azzopardi, li huwa wkoll Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, qal permezz ta’ Tweet li l-inkjesta pubblika tal-lum żvelat kif l-Avukat Ġenerali wissa lill-Pulizija biex ma tinvestigax lil Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri wara l-Panama Papers, biex ikun evitat fjask nazzjonali.

Ċaħda

Intant fi stqarrija maħruġa waranofsinhar, l-Avukat Ġenerali kategorikament ċaħad bħala gidba sfaċċata u kalunja l-allegazzjoni magħmula minn Jason Azzopardi u attribwita lill-Bord tal-Inkjesta Pubblika, li l-Avukat Ġenerali ta parir bil-miktub sabiex iwissi lill-Pulizija biex jimxu bil-mod fl-investigazzjoni peress illi din kienet se tqanqal inkwiet fil-pajjiż.