“L-AĠ qed jixli lill-Ministru Bonnici bi ksur ta’ etika” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li b’dak li żvela l-Avukat Ġenerali fil-Qorti l-ġimgħa li għaddiet, qed jixli lill-Ministru għall-Ġustizzja li kiser il-kodiċi tal-etika meta jaġixxi ta’ avukat difensur tal-Prim Ministru waqt li hu Ministru.

Adrian Delia li kien qed jitkellem f’intervent telefoniku fuq l-istazzjoni Net FM, qal li bil-Prim Ministru taħt inkjesta, Joseph Muscat kellu lill-Ministru tal-Ġustizzja bħala l-avukat tiegħu u lill-Avukat Ġenerali bħala konsulent tiegħu.

Huwa qal li l-Avukat Ġenerali jaħseb li hu ‘l fuq mill-Kap tal-Oppożizzjoni u mill-istess Prim Ministru meta għadda kopja tal-inkjesta Egrant imħejjijja mill-Maġistrat Aaron Bugeja lill-Ministru Bonnici bl-imejl, mingħajr ma saret l-ebda talba bil-miktub.

Huwa qal li l-AĠ biddel il-verżjoni tiegħu kemm ‘il darba dwar ir-raġuni li qed iżżommu billi jgħaddilu kopja.

“L-Awtorità tal-Ippjanar immexxija mill-id moħbija tal-PM”

Bl-istess mod, Delia qal li skont l-aħħar stqarrija taĊ-Ċermen Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, l-istess awtorità spiċċat immexxija mill-id moħbija tal-Prim Ministru.

Huwa qal li filwaqt li Johann Buttiġieġ ammetta li kienet deċiżjoni tajba li jikri jet privat biex tinġieb Malta Jacquiline Gili biex tattendi s-seduta tal-bord, fl-istess ħin, liema deċiżjoni mhux se tkun ripetuta fil-futur għax skont l-istess Buttiġieġ m’għandhiex l-appoġġ politiku. Delia saħaq li allura hija l-lungamano tal-Prim Ministru li qed tiddetta l-affarijiet fl-Awtorità tal-Ippjanar.

Fl-istess ħin, Delia qal li l-Prim Ministru għandu pjan preċiż li jaf meta se jitlaq u allura ma fadallux iktar interess fil-kwistjonijiet ta’ pajjiżna.

Dr Delia qal li jeħtieġ li ssir investigazzjoni indipendenti li tistħarreġ l-operat, it-tmexxija u l-infiq tal-Awtorità tal-Ippjanar. Huwa qal li dan il-każ qanqal ħafna mistoqsijiet li jeħtieġ risposta dwarhom, fosthom kemm l-Awtorità qed tonfoq għall-ippjanar u fuq l-ivjaġġar.

“Il-PM tefa’ t-tort fuq il-ġenituri”

Huwa esprima x-xokk tiegħu dwar l-istqarrija tal-Prim Ministru li tefa’ t-tort tal-konfużjoni li nħolqot, bl-iskema l-ġdida tal-trasport tal-iskejjel fuq il-ġenituri. Huwa qal li fil-kwistjonijiet tal-ippjanar, il-Gvern la għandu aptit u lanqas ir-rieda li jirranġa l-affarijiet. Mill-banda l-oħra, skont Delia, il-Gvern qed jipprova jaħbi l-verità u ma jħallix li toħroġ il-libertà.

“Iwiegħed mod ġdid imma jibqa’ bħal ta’ qablu” – PL

F’reazzjoni għad-diskors ta’ Delia, il-Partit Laburista sostna li minkejja li qiegħed mod ġdid,  l-aġir tiegħu qed jibqa’ eżatt bħal dak ta’ qablu. Ikkritika wkoll il-mod ta’ kif Delia fisser li l-flus li se jingħataw lura l-ġenituri permezz tal-miżura tat-trasport b’xejn hija biss att fejn “il-Gvern qed jgħammex l-għajn.”