L-AĠ jirrifjuta moniteraġġ tal-kontijiet bankarji b’rabtiet mal-VGH

Read in English.

L-Avukat Ġenerali rrifjuta jagħmel moniteraġġ tal-kontijiet bankarji b’rabtiet mal-VGH. It-Tlieta l-Avukat Ġenerali informa lill-Qorti li mhux se jkun qed jagħmel moniteraġġ tal-kontijiet bankarji ta’ kumpaniji li b’xi mod jew ieħor għandhom x’jaqsmu ma’ Sri Ram Tumuluri, l-eks direttur tal-Vitals Global Healthcare (VGH).

F’digriet maħruġ mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, hi kienet ordnat lill-Avukat Ġenerali biex huwa jieħu l-miżuri neċessarji hekk kif tistipula l-liġi biex ikun hemm ordni ta’ moniteraġġ.

Newsbook.com.mt kien prova jagħmel kuntatt mal-Avukat Ġenerali matul il-jum ta’ Sibt u bgħatlu mistoqsijiet dwar jekk ħariġx l-Ordni Investigattiva Ewropea u l-ordni ta’ moniteraġġ. Bl-AĠ ma jwieġibx għad-domandi li sarulu.

Fil-Qorti t-Tlieta l-Avukat Ġenerali nforma lill-Qorti li filwaqt li l-liġi tagħtih il-poter li jieħu tali deċiżjoni, huwa ma għandux għalfejn jagħti raġuni meta jiddeċidi li ma joħroġx tali ordni. Fir-risposta tiegħu l-AG irrefera għall-Artiklu fil-Kostituzzjoni li jgħid li l-AĠ ma għandux ikun suġġett għad-direzzjoni jew kontroll ta’ persuna jew awtorità oħra.

Il-Ġimgħa l-għaqda tas-soċjetà ċivili Repubblika għamlet applikazzjoni urġenti quddiem il-Qrati fejn talbet li jinħareġ Ordni Investigattiva Ewropea biex tiġi preservata l-evidenza li tista’ tkun kruċjali f’każ ta’ inkjesta kriminali dwar il-bejgħ tal-tliet sptarijiet.

Iktar kmieni matul il-jum tal-Ġimgħa l-ġurnal The Shift News rrapporta li l-VGH kienu qed jgħalqu disa’ kumpaniji li jinsabu barra minn Malta, f’dak li huma ddeskrivew bħala ‘tindifa kbira’. Skont The Shift News, l-ordni biex jingħalqu l-kumpaniji ġiet minn Sri Ram Tumuluri.

AQRA: Talba għal inkjesta f’Scicluna, Cardona, u Mizzi dwar il-VGH

Repubblika kienu diġà daħlu applikazzjoni ta’ 150 paġna fejn talbu għall-inkjesta kriminali biex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm kompliċità bejn il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona u Ivan Vassallo, meta sar il-bejgħ tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex biex b’hekk dawn għaddew mill-Gvern għal għand il-privat.

Għall-għaqda Repubblika deher l-avukat Jason Azzopardi.