L-Awditur jinnota nuqqasijiet li qed iwasslu għal “dewmien eċċessiv” fl-Outpatients

Fir-rapport dwar id-Dipartiment tal-Outpatients tal-Isptar Mater Dei, l-Awditur Ġenerali qal li dan evolva tant li żdiedu l-visti u l-ispeċjalitajiet kliniċi iżda innota li l-ħin ta’ stennija għall-appuntamenti “għadu eċċessiv” u qed joħloq problemi kemm għall-pazjenti u anke għall-Isptar stess.
L-Awditur isemmi tliet fatturi li jinfluwenzaw id-domanda tas-servizzi tal-Outpatient. Dawn huma:

  • ammont sostanzjali ta’ riferimenti mhux ġustifikati;
  • distribuzzjoni mhux ekwa tal-pazjenti bejn id-diversi konsulenti; u
  • pazjenti li jonqsu milli jmorru għall-appunatment.

Fl-analiżi tiegħu, l-Awditur Ġenerali qal li dan qed jirriżulta minħabba diversi raġunijiet, fosthom il-frammentazzjoni tal-istrateġiji u l-protokolli fis-settur tas-saħħa u anke prassi mill-pazjenti li jikkonsultaw kliniċi privati fl-istess waqt li jkollhom konsulenza f’Mater Dei.
Iżda, minbarra dawn jinnota wkoll:

  • nuqqasijiet fis-settur tal-kura primarja (ċentri tas-saħħa) li jxekklu lill-Outpatients milli jkun iżjed effettiv fil-kura sekondarja; u
  • nuqqas ta’ infurzar kemm fuq riferimenti bla bżonn u anke pazjenti li ma jattendux għall-appuntamenti.

Skont ir-rapport, l-ispiża ta’ dan id-Dipartiment tammonta għal madwar €35 miljun fis-sena, iżda jinnota wkoll li l-isptar xorta qed isib diffikultajiet li qed “ifixkluh” milli jestendi l-ħinijiet tas-servizzi tal-Outpatients.
L-Awditur Ġenerali jħeġġeġ lill-Isptar biex jiżviluppa qafas stateġiku għad-Dipartiment tal-Outpatients u biex jiddetermina l-perjodu massimu ta’ stennija. Sa issa dan għadu nieqes.
Ir-rapport jikkritika wkoll il-fatt li l-Isptar ma għandux sistema integrata tal-informatika li tiġbor, tipproċessa u tipprovdi informazzjoni aġġornata u korretta u jgħid li dan qed jillimita l-ippjanar, id-direzzjoni u l-kontroll tal-ġestjoni tal-Outpatients. Minħabba f’hekk qed jiġri li mhux dejjem qed ikun hemm dokumentazzjoni sħiħa fuq diversi aspetti.
Dwar il-pjan li jinbena Dipartiment tal-Outpatients fil-konfini tal-Isptar, l-Awditur Ġenerali jgħid li dan se jipprovdi spazju u makkinarju avvanzat iżda il-potenzjal sħiħ tal-investiment jintlaħaq biss jekk jissaħħu diversi oqsma u jiġu indirizzati nuqqasijiet imsemmija.
Aqra r-rapport sħiħ billi tagħfas hawn.