L-AĠ ikompli jirrifjuta li jippubblika l-inkjesta; issa b’kontro-protest

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ppubblika l-kontro-protest li sar mill-Avukat Ġenerali wara l-protest li sar mill-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Delia preżenta protest quddiem il-Qorti biex jingħata kopja tar-rapport tal-inkjesta maġisterjali  dwar it-tielet kumpanja fil-Panama Egrant Inc. Fil-protest tiegħu, Delia kien saħaq li l-Oppożizzjoni għandha dritt għall-informazzjoni fuq ix-xhieda u l-bqija tad-dokumentazzjoni fir-rapport li tista’ tixħet dawl fuq il-verità. S’issa ġew ippubblikati 49 paġna minn 1,500, iżda l-Prim Ministru Joseph Muscat ingħata kopja sħiħa tar-rapport. Il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-protest tiegħu kienu argumenta wkoll li d-deċiżjoni tal-AĠ li jagħti kopja sħiħa tar-rapport lil Muscat ħolqot żbilanċ politiku, favur il-Gvern.

Aqra l-kontro-protest hawn.

Fil-kontro-protest l-Avukat Ġenerali kwota Artiklu 518 mil-liġijiet ta’ Malta li jgħid li atti u dokumenti tal-Qorti ma jistgħu jintwerew lil ħadd u lanqas ma jistgħu jingħataw kopji tagħhom mingħajr permess speċjali tal-Qorti ħlief mill-AĠ, lill-partijiet fil-kawża jew lill-avukat jew prokuratur legali li jkun awtorizzat mill-istess partijiet. Iżda kompla jgħid li permezz tad-diskrezzjoni li tagħtih din il-liġi huwa ppubblika l-konklużjonijiet ewlenin tar-rapport tal-inkjesta.

Rigward it-talba ta’ Delia, l-Avukat Ġenerali qal li permezz tal-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet ewlenin jħoss li għalissa l-ħtiġijiet tal-interess pubbliku ġew sodisfati. Huwa saħaq li l-ebda liġi jew il-Kostituzzjoni ta’ Malta ma tati poter, kompetenza jew funzjoni lill-AĠ biex b’xi mod jarbitra d-dibattitu politiku. Huwa saħaq li lanqas mhu se jidħol dwar il-pubblikazzjoni jew in-nuqqas tagħha tatix lok għal allegat xi vantaġġ jew żvantaġġ politiku. L-Avukat Ġenerali kompla billi qal dawn il-kunsiderazzjonijiet imorru lilhinn mill-funzjoni tal-Uffiċċju.

L-AĠ saħaq dwar għalfejn ħass li kellu jilqa’ t-talba għar-rapport sħiħ tal-Inkjesta Egrant li saret mill-Prim Ministru Joseph Muscat għaliex kien hu li talab li ssir din l-inkjesta. Huwa kompla jgħid li Muscat iddikjara diversi drabi fil-pubbliku li kellu jieħu deċiżjonijiet importanti dwar il-kariga tiegħu abbażi tar-riżultati tal-inkjesta.