“L-AĠ għandu jitlaq issa jew jitkeċċa” – Repubblika

Read in English.

L-għaqda Repubblika qalet li l-Avukat Ġenerali Peter Grech għandu jirreżenja jew jitneħħa mill-kariga tiegħu b’effett immedjat.

Dan wara li fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia llum ħareġ illi Dr Grech ta l-parir lill-investigaturi li kienu qegħdin jinvestigaw l-iskandlu tal-Panama Papers “to go slow.”

Waqt l-inkjesta xehed l-eks Kap tat-Taqsima tar-Reati Kriminali Ekonomiċi Ian Abdilla. Il-Prim Imħallef Joseph Said Pullicino rreferieh għal fajl tal-Bank Ċentrali Ewropew li fih Grech ta parir lill-Pulizija biex timxi bil-galbu għax donnu kien qed jinħema l-inkwiet. Il-Bord tal-Inkjesta baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas tal-Pulizija li tinterroga lil Keith Schembri u Konrad Mizzi, li kien ġie żvelat li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Min-naħa tiegħu, Dr Peter Grech ċaħad li qal lill-Pulizija timxi bil-mod. Dan qalu bi tweġiba għal kitba tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi fuq il-midja soċjali. Azzopardi huwa wkoll l-avukat tal-familja Caruana Galizia.

Fl-istqarrija tagħha, Repubblika qalet li jidher li Grech ma riedx lill-partitarji tal-Partit Laburista li “jiddejqu li politiċi mill-partit tagħhom iġarrbu investigazzjonijiet kriminali.” L-NGO qalet li din l-informazzjoni mhix ta’ sorpriża, imma ta’ diżgust, bħal ħafna affarijiet li ħarġu mill-inkjesta pubblika.

Sostniet li sabiex iservi interessi politiċi, Grech aġixxa sabiex jiżgura li l-liġi ma tapplikax għal Mizzi jew Schembri. Dan l-aġir iddeskrivietu bħala aktar evidenza ta’ kemm iddeterjorat is-saltna tad-dritt.

L-NGO fissret li, “Peter Grech mhu xejn ħlief ingwanta mal-id tal-mafja li ħatfet lil pajjiżna, l-istess mafja li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.”

Repubblika staqsiet ukoll għadd ta’ mistoqsijiet b’rabta ma’ din l-aħbar, bħal jekk il-maġistrati li kienu qegħdin jinvestigaw il-Panama Papers irċivewx l-istess parir, u jekk Grech għamilx l-istess rakkomandazzjoni lill-Pulizija fuq każijiet oħra.

Apparti dan, l-NGO staqsiet jekk Grech kienx qed isegwi l-ordnijiet tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, u jekk kienx ta parir fuq kif għandha timxi l-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant, sabiex dak li joħroġ minnha ma jirrabjax lil dawk li jappoġġjaw lil Muscat.