L-Afrika t’Isfel tiċħad li xaħħmet għat-Tazza tad-Dinja

L-għada li ħarġu akkużi ta’ tixħim ta’ $10 miljun mill-Afrika t’Isfel lill-FIFA biex il-pajjiż jospita t-Tazza tad-Dinja tal-2010, u r-riżenja tal-President ri-elett Sepp Blatter, l-Afrika t’Isfel ammettiet is-somma mħallsa imma ċaħdet li din kienet tixħim.
F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru tal-Isport, l-Afrika t’Isfel insistiet li min jagħmel l-allegazzjoni għandu jissustanzjaha u li dan il-pagament sar b’mod miftuħ għax kien marbut ma’ programm approvat biex jgħin l-iżvilupp tal-futbol fil-Karribew.
Il-Ministru qal li pajjiżu se javviċina lill-awtoritajiet Amerikani, permezz ta’ kanali diplomatiċi, biex tgħaddilu iktar informazzjoni biex ikunu jistgħu jistudjaw il-fatti ħalli jippjanaw pjan t’azzjoni.
Il-każ qam kollu fl-aħħar 24 siegħa, f’ġimgħa ta’ terremot qawwi fi ħdan il-FIFA, li wassal għall-arrest ta’ diversi uffiċjali tal-Federazzjoni fuq akkużi ta’ korruzzjoni fil-futbol u l-investigazzjoni ta’ Sepp Blatter saħansitra mill-FBI.
Uffiċjali Amerikani qed jisħqu li l-Afrika t’Isfel ħallset iċ-ċifra b’tixħim għall-appoġġ għall-kandidatura tagħha għat-Tazza tad-Dinja minn Jack Warner, li kien il-Viċi-President tal-FIFA, u minn membri oħra tal-assoċjazzjoni tal-futbol għall-Amerika ta’ Fuq, l-Amerika Ċentrali u l-Karribew.