Jinħareġ il-mandat ta’ arrest għal Yorgen Fenech

Miguela Xuereb

Aġġornata 12.30pm

Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black u d-Direttur tal-kumpanija Electrogas ġie arrestat b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Dan qalu Stephen Grey, ġurnalist ta’ Reuters permezz ta’ tweet. Hu qal li Fenech ġie arrestat wara li ħareġ mandat t’arrest iffirmat minn Maġistrat b’rabta mal-assassinju.

Aġġornata 8.45am

Newsbook.com.mt jikkonferma li dalgħodu ġie arrestat Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black. Dan wara li skont rapporti pprova jaħrab minn Malta bil-jott tiegħu kmieni dalgħodu.

Il-jott ta’ Fenech, ġie interċettat mill-Forzi Armati ta’ Malta waqt li kien qed jipprova jsalpa ‘l barra mill-pajjiż kmieni dalgħodu. Kelliem għall-Pulizija qal ma’ Newsbook.com.mt li mhux mgħarraf dwar arresti li saru fl-inħawi ta’ Portomaso.

Xhieda li tkellmu ma’ ġurnali lokali qed jgħidu li l-każ seħħ għall-ħabta tal-5.30am fil-marina ta’ Portomaso.

Persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qed jgħidu li isem Yorgen Fenech issemma’ fil-konverżazzjonijiet li kellhom il-Pulizija mar-raġel li qed jingħad li huwa s-sensar tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Assassinju Daphne: Pass ieħor biex jinqabad il-mandant

Ilbieraħ il-Prim Ministru Joseph Muscat iffirma ittra fejn irrakkommanda lill-President sabiex jagħti l-maħfra presidenzjali lir-raġel li serva bħala s-sensar għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan hekk kif hu kien lest li jagħti l-isem tal-mandant tal-assassinju tal-ġurnalista fis-16 ta’ Ottubru tal-2017.

Assassinju Daphne: Il-PM jirrakkomanda maħfra presidenzjali

X’inhi 17 Black?

Fl-2018, il-ġurnal Times of Malta żvela li l-kumpanija 17 Black f’Dubaj hija ta’ Yorgen Fenech, li huwa d-Direttur tal-Power Station tal-Electrogas f’Malta. Fenech huwa wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Tumas Group.

The Daphne Project: “€1.3m f’17 Black – klijent prospettiv ta’ Mizzi u Schembri”; jiċħdu

It-Times of Malta f’ħidma konġunta mal-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters, kisbet din l-informazzjoni minn imejl li identifikat lil 17 Black bħala wieħed mis-sorsi ta’ qligħ għall-kumpaniji sigrieti fil-Panama Hearnville u Tillgate, li kienu tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri rispettivament.

Intant, il-ġimgħa li għaddiet, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri rtira l-libell dwar 17 Black wara seduta mqanqla fil-Qorti tal-Maġistrati dalgħodu. Schembri kien mistenni jixhed dwar il-kumpanija bbażata f’Dubaj, bħala parti minn libell li fetaħ lil Simon Busuttil, l-eks Kap tal-Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista, fuq allegat tixħim fl-2016.

17 Black: Keith Schembri jirtira l-libell

Malli saritlu l-ewwel mistoqsija, Keith Schembri rrifjuta li jwieġeb fil-Qorti. Il-Maġistrat Victor Axiaq ordnalu jwieġeb u fakkru li jekk ma jagħmilx dan jista’ jkun hemm sanzjonijiet.