L-AFM se ddaħħal l-immigranti fuq Ocean Viking f’Malta

Read in English.

Il-Gvern Malti ħabbar li Malta se tkun qed iddaħħal l-immigranti abbord għall-bastiment Ocean Viking f’Malta permezz ta’ ħidma tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Dan ħabbru l-Prim Ministru fi Tweet, u ġie kkonfermat fi stqarrija mill-Gvern ftit tal-minuti wara. Id-deċiżjoni ttieħdet wara diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea u numru ta’ Stati Membri fosthom Franza u l-Ġermanja. Malta se tkun qed tilqa’ lill-grupp ta’ immigranti minkejja li dawn ma ġewx salvati f’ibħra territorjali Maltin.

L-istqarrija tispjega li Malta se tkun qed titrasferixxi lill-persuni fuq il-bastimenti tal-Forzi Armati ta’ Malta ‘l barra mill-ibħra territorjali Maltin. Huma kollha se jiġu rilokati lejn pajjiżi Ewropej oħrajn li huma: Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Portugall u r-Rumanija. Il-Gvern emfasizzi li l-ebda minn dawn l-immigranti mhu se jibqgħu Malta.

Il-Gvern qal ukoll li fil-jiem li ġejjin, għadd ta’ persuni li kienu tniżżlu Malta minn ħidmiet ta’ salvataġġ fil-passat se jiġu trasferiti lejn l-Istati Membri.

Intant aktar kmieni, l-għaqda SOS Mediteranee li topera l-bastiment flimkien ma’ Doctors Without Borders (MSF) ħarġet tweet fejn apparti li rrakkuntat l-esperjenza qarsa ta’ żagħżugħ ta’ 18-il sena fil-Libja qalet ukoll li kien għad fadal biss biżżejjed ikel sa nhar it-Tnejn filgħaxija.