L-AFM ordnata tħallas id-danni fuq karozza li nqalbet

Il-Forzi Armati ta’ Malta ġew ordnati jħallsu għall-ħsarat li jammontaw ‘il fuq minn €6,200 fuq karozza tal-kiri li kienet qed tintuża għal stħarriġ mis-suldati.

Il-Qorti semgħet kif għaxar snin ilu, il-karozza tal-kiri kienet qed tintuża għal taħriġ ta’ protezzjoni li jingħataw il-VIPs, u l-Forzi Armati qatt ma żvelaw lill-kumpanija r-raġuni għaliex qed tinkera l-karozza.

Irriżulta li f’wieħed minn dawn l-eżerċizzji ta’ taħriġ mill-AFM, il-karozza spiċċat fuq is-saqaf tagħha wara li nqalbet.

Għalkemm fil-bidu l-qorti tal-maġistrati kienet sabet li l-karozza kienet qed tintuża fil-limiti tat-termini tal-kuntratt, waqt l-appell ħareġ li l-kundizzjonijiet jistipulaw li l-karozza ma tistax tintuża għall-lezzjonijiet tas-sewqan.

Fid-dawl ta’ din il-klawżola, fl-appell instab li l-kundizzjonijiet tal-kuntratt kienu nkisru anke għax il-karozza ma ġietx ritornata lill-kumpanija tal-kiri fl-istess kundizzjoni.

Għaldaqstant il-qorti ordnat lill-AFM sabiex tħallas lill-kumpanija tal-karozzi tal-kiri s-somma ta’ €6,200.