L-AFM ma ċaħditx li għamlet ħsara fuq dinghy – Repubblika

L-NGO Repubblika qalet li nnutat li l-ebda awtorità ċivili jew militari ma ċaħdet b’mod espliċitu l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tal-Forzi Armati ta’ Malta l-ġimgħa li għaddiet. Fi stqarrija Repubblika spjegat li kien allegat li persuni abbord il-patrol boat tal-Forzi Armati P52 għamlu ħsara apposta fuq il-mutur ta’ ċatra jew dinghy li kellu persuni abbord.

Dan ħareġ minn artiklu ta’ The New York Times bit-titlu Malta Accused of Sabotaging Migrant Boat fejn ġie spjegat li l-organizzazzjoni Alarm Phone kienet bagħtet recording ta’ telefonata lill-ġurnal. Fit-telefonata ntqal li kien hemm raġel li nstema’ jgħid li l-militari Maltija kienet ġejja biex taqta’ xi cables mill-mutur tad-dinghy. Ir-raġel qal ukoll li huma qalulhom li ma jridu lil ħadd jidħol lejn Malta.

Repubblika sostniet li dawn huma allegazzjonijiet serji li jfissru li l-armata setgħet naqset mid-dmir taħt il-liġijiet marittimi li jgħidu li kull opra tal-baħar li tara lil xi ħadd f’diffikultà għandha l-obbligu ssalvah u tieħdu fl-eqreb port sikur. Qalet li jfissru wkoll li l-ekwipaġġ ta’ P52 seta’ għalaq għajnejh għal ċirkostanzi fejn persuni kienu fil-periklu tal-mewt u possibilment minn dak il-ħin s’issa spiċċaw mietu. Qalet ukoll li jfisser ukoll li membru jew membri tal-ekwipaġġ ta’ P52 setgħu wettqu azzjonijiet ta’ sabutaġġ li jammontaw għal qtil jew attentat ta’ qtil.

Fl-istqarrija Repubblika kompliet tgħid li dawn l-allegazzjonijiet jew id-difna tagħhom ma jistgħux jiġu ġustifikati minn xi policy, anke minn xi deċiżjoni ta’ emerġenza minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Insistiet li l-liġijiet marittimi, il-liġijiet tal-armata u l-liġijiet kriminali mhumiex sospiżi minħabba l-pandemija.

Intant, Repubblika nnutat ukoll li l-ebda awtorità ċivili jew militari ma ċaħdet b’mod espliċitu dawn l-allegazzjonijiet. B’hekk qalet li l-Gvern għandu jgħid kif dawn l-allegazzjonijiet ġew investigate u x’irriżulta minn dan l-istħarriġ. Qalet ukoll li għandhom ikunu ppubblikati r-rapporti interni kollha dwar dan il-każ u l-pulizija għandha tgħid x’azzjoni ħadet biex tissodisfa ruħha li ma twettaqx omiċidju tal-massa f’dan il-każ.

Għexieren ta’ persuni qed jappellaw lill-Gvern Malti u lill-Unjoni Ewropea sabiex ma jkunux huma l-kaġun għaliex għexieren ta’ persuni jitilfu ħajjithom fuq il-baħar.