L-AFM issalva l-immigranti; “Damu 12-il siegħa biex salvawhom”

Grupp ta’ 71 immigrant ġew salvati minn Patrol Boat tal-Forzi Armati ta’ Malta. Dan hu l-istess każ li dwaru l-għaqda Alarm Phone qalet li l-armata Maltija qatgħet għadd ta’ sigħat tosserva mingħajr ma salvathom jew offriet l-għajnuna. Fuq id-dgħajsa hemm ukoll nisa u tfal.

L-għaqda Sea-Watch qalet li dan il-grupp ta’ immigranti ġew salvati fl-aħħar sigħat u ttellgħu abbord dgħajsa tal-AFM. Dwar il-każ Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Forzi Armati u lill-Ministeru għall-Intern.

Permezz tal-ajruplan tagħha Moonbird, l-għaqda Sea-Watch ippubblikat ritratt tal-Patrol Boat flimkien ma’ ritratt tad-dgħajsa li kienet qed tegħreq b’71 persuna abbord. L-istess għaqda staqsiet lis-suldati Maltin kif ħallew 12-il siegħa jgħaddu qabel ma wettqu l-ħidma ta’ salvataġġ.

Aktar kmieni dalgħodu, Alarm Phone qalet li qed tibża’ li Malta qed torganizza pushback “ieħor illegali” għal-Libja għall-71 immigrant li kienu għadhom bejn sema u ilma fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija.