L-AFM imxiet mal-liġijiet internazzjonali fil-konfront tas-sajjieda Sqallin

Fir-rigward tal-allegazzjonijiet li saru mis-sajjieda Sqallin mal-wasla tagħhom fi Sqallija. 

L-AFM tippreċiża ma' Newsbook.com.mt li mxiet skond in-normi u l-liġijiet internazzjonali ta' fuq il-baħar.

Il-każ jirrigwardja is-sekwestru taż-żewġ bastimenti Sqallin, La Madonnina u Principessa Prima li kienu qed jistadu llegalment fil-baħar Malti. 

Mal-wasla tagħhom fi Sqallija, il-Kaptani taż-żewġ bastimenti allegaw li ġew trattati ħażin mis-suldati Maltin. 

Dawn l-allegazzjonijiet saru quddiem il-kameras tat-televiżjoni.  

Ma' Newsbook.com.mt, l-AFM sostniet li skont kif titlob il-liġi, l-Armata iddokumentat l-infurzar u l-operazjoni tagħha u dan ġie ppreżentat quddiem il-Qorti mill-prosekuzjoni.

Il-Ġimgħa  2  ta' Awissu li għadda, quddiem il-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli, l-akkużati ammettew l-akkużi kollha miġjuba kontrihom u l-Maġistrat sabet liż-żewġ Kaptani Sqallin ħatja li wettqu sajd illegali fil-baħar Malti.