L-AFM f’roadblocks mal-Pulizija matul il-lejl

Matul il-lejl li għadda membri tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) kienu preżenti f’road blocks madwar Malta flimkien ma’ uffiċjali tal-Pulizija.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li waqt dawn il-kontrolli tat-traffiku nstabu diversi persuni bid-drogi filwaqt li oħrajn inqabdu jiksru xi regolamenti tat-traffiku.

Intqal li f’kontrolli li saru fi Vjal Sir Paul Boffa, Raħal Ġdid u fi Triq Ħal Qormi, Ħal Luqa, il-Pulizija tad-Distrett ta’ Raħal Ġdid assisti mill-Pulizija tat-Traffiku, tar-Rapid Intervention Unit(RIU), mis-Sezzjoni tal-Klieb, tal-Garaxx, kif ukoll membri tal-Forzi Armati ta’ Malti sabu :

  • F’vettura misjuqa minn żagħżugħ ta’ 19-il sena residenti Birżebbuġa u fuq il-passiġġier ta’ 19-il sena residenti Birżebbuġa ukoll, instabet sustanza suspettata kannbis u oġġetti relatati mal-użu tad-droga
  • F’vettura misjuqa minn raġel ta’ 34 sena residenti Raħal Ġdid nstabet sustanza suspettata kannabis
  • Żagħżugħ 19-il sena residenti l-Ħamrun inqabad isuq vettura bla liċenzja valida
  • F’vettura fuq waħda mill-passiġġieri, żagħżugħa ta’ 19-il sena residenti l-Pietà, instabet sustanza suspettata kokaina
  • Mara ta’ 30 sena residenti r-Rabat Għawdex instabet li kienet qed issuq karozza taħt l-influwenza tal-alkoħol
  • F’vettura misjuqa minn mara ta’ 34 sena residenti San Ġiljan instabet sustanza suspettata kokaina. Il-mara nstabet ukoll li kienet qed issuq taħt l-influwenza tal-alkoħol
  • F’vettura misjuqa minn żagħżugħ ta’ 21 sena residenti s-Siġġiewi instabet sustanza suspettata kannabis u oġġetti relatati mal-użu tad-droga

F’kontrolli oħra li saru fi Triq Għar Dalam, Birżebbuġa, il-pulizija tad-Distrett taż-Żejtun sabu seba’ vetturi li kienu qed jinstaqu minn xufiera – li l-età tagħhom tvarja bejn l-20 u l-52 sena – li ma kinux koperti b’polza tal-assigurazjoni jew liċenzja valida tas-sewqan.

Intqal li ll-Pulizija se tkun qed toħroġ akkużi fil-konfront tal-persuni filwaqt li l-investigazzjonijet għadhom għaddejjin.