L-AFM b’inkjesta dwar ‘cocaine party’ fil-barracks ta’ Ħal Far

Read in English.

Il-Forzi Armati ta’ Malta għaddejjin b’inkjesta interna dwar ‘cocaine party’ li allegatament seħħ fil-barracks ta’ Ħal Far. Fi stqarrija ppubblikata llejla mill-AFM tħabbar ukoll li suldat li rrifjuta li jagħmel it-test tad-droga ġie mkeċċi. Intqal ukoll li l-Armata qed tistenna r-riżultat ta’ din l-inkjesta biex tara kif se timxi skont il-konklużjonijiet.

L-allegazzjonijiet ġew ippubblikati mill-eks suldat Godwin Schembri li kien tkeċċa minħabba filmati li ppubblika li fihom esprima l-frustrament tiegħu b’lingwaġġ goff dwar xatba tal-ħadid.

L-AFM qalet li s-suldati li kienu xogħol dakinhar intalbu jagħmlu test tal-awrina biex jindika jekk għamlux użu minn sustanzi illegali. Is-suldati kollha aċċettaw bl-eċċezzjoni ta’ wieħed. Ir-riżultati ta’ min għamel it-test kollha ħarġu negattivi filwaqt li l-persuna li rrifjuta tkeċċa immedjatament fl-interess tas-servizz.

L-Armata qalet li tħaddan politika interna ta’ zero tolerance fejn jidħol użu ta’ sustanzi illegali.

Il-PN irid risposta għall-allegazzjonijiet

Il-Partit Nazzjonalista qal li dan inżamm mistur għal ġimgħtejn sħaħ sakemm telgħet fil-midja soċjali.

Il-PN fi stqarrija qal li l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri għandu jwieġeb quddiem l-allegazzjonijiet serji, fosthom billi jagħti spjegazzjoni għal dawn:

  • Għaliex dan l-inċident gravi nżamm mistur għal ġimagħtejn sħaħ.
  • Jekk jafx illi dan il-‘cocaine party’ kienx wieħed ta’ darba jew kienx hemm okkażjonijiet simili fil passat.
  • Jekk il-Pulizija ġietx infurmata b’dan l-allegat reat li seħħ u jekk il-Pulizija hix qed tinvestiga.
  • Jekk hux minnu illi l-persuna membru tal-AFM indikata bħala involuta fil-konsum ta’ kokaina diġa’ kellha passat kriminali u minkejja dan baqgħet tiġi protetta fl-istess Armata.