“L-affarijiet li rajt huma tax-xitan” – il-Kummissarju tal-Edukazzjoni f’konverżazzjoni mal-Imam

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni Charles Caruana Carabez qal li l-affarijiet li ra fl-iskejjel inkluż każijiet tal-ibbuljar, kienu affarijiet tax-xitan. Fil-konverżazzjoni li Caruana Carabez kellu mal-Imam qallu li “dawn it-tfal tilgħin bla Alla” u l-Imam irrispondih u qallu “fejn m’hemmx Alla hemm ix-xitan” u hawnhekk Caruana Carabez irreafferma li dak li ra kienu affarijiet tax-xitan.

Fil-programm Newsline fuq RTK immexxi minn Fr Joe Borg, Caruana Carabez tkellem dwar dak żvelat fir-rapport annwali fl-Uffiċċju tal-Ombudsman.

Qabel ma għamel l-intervent tiegħu fil-programm, Caruana Carabez speċifika li huwa bħall-membri tal-Maġistratura li ma jkunux fil-libertà li jieħdu sehem f’dibattiti dwar punti kontenzjużi iżda qal li lilu xejn ma jżommu milli jiżvela l-fatti. Fr Joe Borg fakkar kif ħmistax qabel fil-programm kien hemm Kummissarju ieħor mill-Uffiċċju tal-Ombudsman li laqa’ l-istedina li jipparteċipa dwar il-kriżi tal-bini li huwa suġġett kontroversjali.

Dwar il-ħidma tiegħu, il-Kummissarju qal li ltaqa’ ma’ diversi partijiet biex iwaqqaf dawn il-każijiet fosthom mal-Imam. Qal li huwa “miskin” minħabba li l-iskola tal-Musulmani għalqet minħabba nuqqas ta’ flus u lanqas ma għandu aċċess għall-iskejjel l-oħra ta’ Malta. Saħaq li minn dakinhar ‘il quddiem beda jaħdem biex l-Imam jingħata aċċess biex it-tfal Musulmani jkollhom żjarat pastorali.

Il-Kummissarju jiċċara l-fatti

Fil-programm huwa qal li l-investigazzjoni li għamel hu ma kien hemm l-ebda tifel jew tifla ta’ karnaġġjon skur u lanqas tfal refuġjati. Qal ukoll li fattur komuni bejn l-inċidenti kollha li ssemmew kienu ta’ tfal li kapaċi jħallsu.

Semma li kien hemm sitt każijiet ta’ tfal ġejjin minn razzez differenti fosthom Maltin, Russi, Serbi, Litwani u Libjani u hawn spiċċa bil-kliem “l-ebda iswed”.

Spjega wkoll li uħud minn dawn it-tfal raw attroċitajiet li wieħed lanqas jista’ jimmaġina u għaldaqstant ġejjin minn sfond ta’ vjolenza. Kompla jgħid li tfal li ma jkunux ġejjin minn dan l-isfod ikunu ta’ familji li l-ġenituri tagħhom ikunu ġew Malta għal ftit xhur u għaldaqstant it-tfal ma jkollhom l-ebda interess ta’ integrazzjoni. Stqarr li “allura għalxejn tipprova”.

Huwa speċifika dan minħabba li qal li kien hemm għaqdiet u professuri tal-Università li akkużawh b’miżinformazzjoni, sterotipi u li r-rapport li kiteb ma kienx juri serjetà tal-ħsieb. Caruana Carabez stqarr li meta wieħed janalizza sewwa għandu jinjora dawn il-kummenti.

AQRA: “Traskurat u żbaljat ir-rapport tal-Kummissarju dwar l-ibbuljar fl-iskejjel” – NGOs

Fisser kif ħadd mill-għaqdiet u mill-professuri tal-Università ma seta’ kellu aċċess għad-dokumenti iżda qal li l-ebda minnhom ma offra assistenza meta saru jafu bil-każijiet f’laqgħat li l-uffiċċju tiegħu kellu mad-diversi partijiet.

 “Kelli aċċess għal dokumenti sigrieti”

Dwar il-miżinformazzjoni huwa kompla jgħid li huwa kellu informazzjoni li l-għaqdiet u l-professuri ma setgħux kellhom għax il-liġi tagħti aktar poteri lilu. Qal li l-pożizzjoni tiegħu tagħtih il-poter li jaċċessa kwalunkwe dokument li jitlob u spjega li ħafna drabi dawn ikunu dokumenti delikati jew sigrieti. Dan għajr dokumenti li jistgħu jiġu klassifikati li jippreġudikaw is-sigurtà nazzjonali.

“Il-Maltin fi Brussell ma jintegrawx mal-Belġjani”

Caruana Carabez xebbaħ dawn il-każijiet mal-Maltin li jaħdmu fi Brussell. Qal li l-Maltin li jaħdmu fi Brussell ma jibgħatux lit-tfal tagħhom fi skejjel tal-Gvern Belġjan u għaldaqstant saħaq li m’hemm l-ebda attentat biex it-tfal Maltin jintegraw mal-Belġjani.

Spjega li dawn jattendu fil-European School of Brussels li hija kulleġġ għat-tfal ta’ ħaddiema fl-istituzzjonijiet Ewropej. Huwa faħħar “l-istorja ta’ suċċess li għandha din l-iskola” li għandha mat-800 għalliem u qal li fosthom hemm tlieta Maltin.

“Kulleġġ internazzjonali mhux biex isir ghetto”

Dwar il-kulleġġħ internazzjonali li ssemma fir-rapport, il-Kummissarju speċifika li l-intenzjoni ta’ din l-iskola mhix li tiġbor fiha l-istudenti kollha ta’ razza differenti li jinsabu f’Malta iżda li sservi ta’ skola għal dawk it-tfal li jkunu f’Malta għal perjodu definit u ma jkollhomx l-integrazzjoni fil-prijorità tagħhom.

Qal li ma jara xejn ħażin li jkun hemm skola li tirrendi l-flus lil Malta biex dawn it-tfal ta’ ġenituri li jkunu Malta jaħdmu f’kuntratt għal perjodu ta’ sitt xhur jew sena jkunu jistgħu jitgħallmu.

Qal li dawn il-flus imbagħad jistgħu anke jintużaw biex jiġu mhejjuna tfal refuġjati li jkunu Malta għal perjodu itwal u b’mod permanenti.

“Qabel ma bdejt ninvestiga kien hemm min weġġa’”

Il-Kummissarju qal li sakemm beda’ l-investigazzjonijiet kien hemm min weġġa’ iżda stqarr li kien ta’ sodisfazzjon li waqqaf din il-weġġa’ kif bdew l-investigazzjonijiet.

Spjega li familja minnhom sfat imfarka għaliex il-mara kienet barranija u wara li rat x’qed jiġri lit-tifel tagħha, telqet lura pajjiżha u ħadet lit-tifel magħha. Qal ukoll li ra każijiet fejn it-tfal kienu jinfarġu bil-lejl kuljum u tfal li spiċċaw b’kura prikjatrika.

Il-Kummissarju Caruana Carabez temm jgħid li b’din l-istqarrija l-pubbliku jista’ jixtarr aħjar dak li kien ippubblikat fir-rapport annwali.

AQRA: Studenti barranin jiffurmaw klikek u jibbuljaw lill-Maltin – Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni

Din mhux l-ewwel darba li l-Kummissarju Caruana Carabez kien f’kontroversja. F’Jannar tas-sena l-oħra, Caruana Carabez kien deskrit bħala sessist u bħala persuna li tħares lejn in-nisa minn sterjotip ma jistax jindirizza każijiet b’mod ekwu u oġġettiv.

AQRA: Is-serp tal-Eden idaħħal lill-Kummissarju għall-Edukazzjoni fl-inkwiet