L-affarijiet jibdew jiċċaqilqu għal gvern lemini fl-Italja

Il-Lega u l-Moviment 5 Stilel urew l-ewwel passi ta’ ftehim biex finalment jiġi ffurmat Gvern Taljan, wara li t-taditiet tal-bieraħ ġew deskritti bħala pożittivi.
Dan intqal fi stqarrija konġunta bejn il-mexxejja taż-żewġ partiti populisti li marru l-aħjar fl-elezzjoni ta’ Marzu li għadda.
Matteo Salvini, il-mexxej tal-partit mil-lemin estrem Lega, u Luigi di Maio tal-Moviment 5 Stilel qalu li qed ifittxu li jissetiljaw kollox malajr kemm jista’ jkun, u kien hemm progress sinjifikanti fid-diskussjoni dwar il-fasla tal-kabinett u min se jmexxih bħala Prim Ministru.
Jidher li Giancarlo Giorgetti kien preżenti waqt il-laqgħa bejn Salvini u di Maio. Giorgetti ilu 20 sena fil-Lega, u qed jiġi mbuttat bħala l-Prim Ministru l-ġdid. Fil-laqgħa kien hemm ukoll Vincenzo Spadafora, deputat tal-5 Stilel.
Flimkien maż-żewġ mexxejja, il-midja Taljana qed tirrapporta ismijiet oħra biċ-ċans, fosthom Enrico Giovannini u Giulia Bongiorno.
Aktarx li Salvini, li kien ikkampanja ħafna kontra l-immigrazzjoni, ikun il-Ministru għall-Intern, u di Maio l-Ministru għall-Affarijiet Barranin.
Jista’ jkun ukoll li jerġa’ jiddaħħal l-irwol ta’ Ministru għall-Integrazzjoni, li kien tneħħa mill-Gvern ta’ Matteo Renzi fl-2014, u l-post jittieħed minn Tony Iwobi, li hu l-ewwel senatur isewd fl-Italja u li tela’ mil-Lega.
Madankollu jibqa’ l-fatt li dawn sa issa huma taħditiet biss, u 9 ġimgħat mill-elezzjoni l-Italja għadha bla gvern. Waħda mir-raġunijiet għala kien hemm dad-dewmien kollu hi wkoll għax Silvio Berlusconi kien għadu ma ġġennibx biex iħalli lil Salvini jaħdem.
Il-partit tiegħu, Forza Italia, kien ingħaqad f’koalizzjoni ċentru-leminija mal-Lega, u dil-koalizzjoni rebħet l-akbar proporzjon tal-voti fl-Italja.
Il-kompożizzjoni finali tal-Gvern Taljan se taffettwa lil Malta, l-aktar f'dak li għandu x'jaqsam mal-immigrazzjoni.
Fil-fatt l-ewwel bombi waddabhom Berlusconi stess ftit qabel l-elezzjoni, meta qal li jekk kien se jkun fil-poter Malta terġa' tibda tieħu l-immigranti. Segwietu l-Lega, li qalet li tiddeporta l-immigranti bil-gzuz.